Il-gwardjani tal-kosta Libjani rkupraw il-katavri ta’ mill-anqas tmien immigranti minn dinghy li nstab fl-ibħra lejn il-Lvant ta’ Tripli. Dan fost tħassib li jista’ hemm għexieren oħra ta’ immigranti neqsin.
Kelliema għall-gwardjani tal-kosta fil-belt ta’ Garabulli qalu li t-tip ta’ dinghy li nstab għandu l-kapaċità biex iġorr ‘il fuq minn 110 persuna u li huma ‘ma jafux x’seta’ għadda mill-immigranti l-oħra’. Fl-istess ħin, huma ma provdewx spjegazzjoni dwar ‘kif setgħu mietu’ l-immigranti, li l-katavri tagħhom intlemħu mis-sajjieda f’dik iz-zona ta’ baħar.
Aktar qabel, kienu ħarġu rapporti li immigrant minn Bangladesh spiċċa maqtul waqt sparatura bejn gwardjani tal-kosta minn Zawija ( lejn il-Punent ta’ Tripli) u traffikanti li kienu qed jeskortaw id-dgħajjes tal-immigranti. Il-konfront seħħ meta t-traffikanti kienu qed jitilqu dawk id-dgħajjes fil-baħar u rriżulta wkoll f’numru ta’ midruba.
Ingħad ukoll li żewġ dinghies u dgħajsa b’xi 570 immigrant kienu interċettati qrib ta’ Sabratha u li rriżulta l-ġlied, fejn il-gwardjani tal-kosta qerdu dgħajsa u jet-ski tat-traffikanti. Saru wkoll xi arresti fl-inħawi.
Sadanittant, ħames dinghies oħra mgħobbijin bl-immigranti rnexxielhom joħorġu fuq il-baħar wara li t-traffikanti tal-bnedmin kienu fetħu n-nar fuq il-gwardjani tal-kosta minn fuq xi dgħajjes kif ukoll mix-xatt.
L-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Immigrazzjoni (IOM) qalet , sadanittant, li sa 380 immigrant li kienu qed jivvjaġġaw fi tliet dinghies spiċċaw interċettati ‘il hinn minn Zawiya, b’dawn jitwasslu lura lejn il-Libja. Kien hemm ukoll każ, nhar is-Sibt, fejn il-gwardjani interċettaw 440 immigranti oħra li kienu qed jippruvaw jaqsmu lejn l-Ewropa.
//= $special ?>