Il-poplu Franċiż, illum, ivvota għad-deputati fil-Parlament ta’ Pariġi, xahar wara l-elezzjoni ta’ Emmanuel Macron bħala l-President ġdid ta’ Franza.
Sadanittant, Macron – li vvota f’Le Touquet – qed jittama li l-kandidati tal-Partit tiegħu, bl-isem La Republique en Marche, jirbħu l-maġġoranza tas-siġġijiet fl-Assemblea ta’ Pariġi biex hu ikun jista’ jixpruna l-bidliet li hemm bżonn għar-riforma tal-pajjiż.
L-elezzjoni għall-Parlament Franċiż qed titqassam fuq żewġ rounds, bil-fażi finali għandha ssir nhar il-Ħadd li ġej. L-ewwel indikazzjonijiet mir-round elettorali tallum mistennija jidħlu l-lejla, iżda huma ftit il-kandidati li għandhom ikunu eletti f’din il-fażi.
Il-Parlament ta’ Franza hu magħmul minn 577 deputat u rebħa għall-partit ta’ Macron għandha tfisser li l-elettorat ikun warrab għal kollox lill-forzi politiċi tradizzjonali – f’dan il-każ ir-Repubblikani taċ-ċentru lemin u s-Soċjalisti.
Dan wara li ż-żewġ partiti tradizzjonali – għall-ewwel darba mit-Tieni Gwerra ’l hawn – ma kellhomx rappreżentant fl-elezzjoni deċiżiva għall-Presidenza ta’ Franza li saret ix-xahar li għadda u li kienet intrebħet minn Macron.
//= $special ?>