Sport Sport Ieħor

Nadal jirbaħ l-Open ta’ Franza u jidħol fl-istorja

It-tennista Spanjol Rafael Nadal rebaħ l-Open ta’ Franza biex sar l-ewwel tennista li qatt rebaħ Grand Slam partikolari għal 10 darbiet. Fil-finali hu kellu wirja dominanti u għeleb lil Stanislas Wawrinka 6-2 6-3 6-1.

Wawrinka ma seta’ jagħmel xejn kontra l-qawwa ta’ Nadal biex b’hekk għall-ewwel darba fil-karriera tiegħu tilef finali ta’ Grand Slam wara li kien rebaħ tlieta.

Il-fatt li Nadal rebaħ dan il-Grand Slam mhux daqstant sorpriża għax hu kellu diġà rekord mill-aqwa kontra Wawrinka. Qabel il-finali tal-bieraħ minn 19-il darba li lagħab kontra Wawrinka rebaħ 16-il darba.
Din kienet l-ewwel darba li dawn it-tnejn lagħbu kontra xulxin fl-2017.

Is-sena li għaddiet Nadal mhux biss għeleb lil Wawrinka darbtejn imma lanqas biss tilef set kontrih. Grazzi għar-rebħa li kiseb Nadal tela’ fit-tieni post ta’ żewġ klassifiki. Hu jinsab fit-tieni post fir-rankings mondjali u fit-tieni post tal-aktar tennisti rġiel li qatt rebħu Grand Slams.

L-aktar tennista li qatt rebaħ Grand Slams hu Roger Federer.