Ir-rebħa kbira li għamel il-Partit Laburista fl-Elezzjoni Ġenerali ta’ bħal-lum ġimgħa hi parzjalment dovuta għall-fatt li tul il-kampanja elettorali u qabel, il-Gvern u l-Partit Laburista ma waqfu qatt ‘jixtru’ l-voti billi jaqdu lin-nies bl-għoti ta’ impjiegi, promozzjonijiet, ħruġ ta’ ċekkijiet u ħruġ ta’ permessi fost oħrajn.
Manuvri li bdew sa minn qabel il-kampanja elettorali
Diġà fil-ġimgħat u x-xhur ta’ qabel ma tħabbret id-data tal-Elezzjoni Ġenerali, il-Gvern u l-Partit Laburista kienu imbarkaw fuq programm estensiv, vast u mferrex biex jaqdu lil dawk kollha possibbli bl-iskop preċiż li l-vot tagħhom jingħata lill-kandidati tal-Partit Laburista.
In-nies għamlet talbiet għal impjiegi, promozzjonijiet, permessi mill-Awtorità tal-Ippjanar, permessi mid-Dipartiment tal-Artijiet, permessi dwar ristoranti, gabbani u ħruġ ta’ mwejjed barra, kisbiet għal irmiġġi, istallazzjoni ta’ lifts. Il-lista ma kienet tintemm qatt u tvarja għal kulma persuna tista’ timmaġina. Min-naħa tiegħu l-Gvern u l-Partit Laburista ħadmu biex akkomodaw lil kulħadd bil-patt li l-voti jingħataw lill-kandidati Laburisti. U dan mingħajr distinzjoni ta’ mertu, tant li individwi oħrajn li kellhom id-dritt ta’ ċertu promozzjonijiet u impjiegi, spiċċaw baqgħu b’xejn.
Din id-dagħdigħa ta’ qadi lin-nies kompliet tikber fil-kampanja elettorali meta persuni ngħataw impjiegi ġodda, oħrajn ingħataw promozzjonijiet anki jekk qabżu kollegi tagħhom waqt li oħrajn ingħataw transfers.
Direzzjoni minn Kastilja
Minn Kastilja kienet saħansitra nħarġet id-direzzjoni li l-pajjiż kien riesaq lejn dik li ssejħet bħala Elezzjoni Ġenerali mill-aktar kruċjali fejn il-Gvern Laburista ried li jirbaħ akkost ta’ kollox. Dan anki fl-isfond ta’ akkużi ta’ korruzzjoni li kienu qed isiru fil-konfront tat-tmexxija f’Kastilja u l-ftuħ ta’ kumpaniji sigrieti fil-Panama.
L-esponenti ewlenin ġewwa Kastilja kienu jafu tajjeb ħafna li kemm-il darba l-Gvern Laburista ma kienx se jkollu l-mandat tal-poplu biex jerġa’ jmexxi lill-pajjiż għal leġiżlatura oħra, allura Gvern ġdid magħmul mill-Partit Nazzjonalista kien se jkollu l-okkażjoni li jinvestiga numru kbir ta’ kuntratti u prattiċi b’dell kbir fuqhom li ddaħħlu fis-seħħ tul din il-leġislatura.
Ir-raġuni li Kastilja ġabet u mbuttat ‘il quddiem kienet dik li pajjiżna “Malta Tagħna Lkoll” kienet waslet f’nofs triq – “proġett f’nofs triq” – u għalhekk kien imperattiv li l-Partit Laburista jerġa’ jirbaħ din l-Elezzjoni Ġenerali biex ikun jista’ jitwettaq il-kumplament ta’ dan il-programm.
Kien f’dan ix-xenarju kollu li tul il-ħames ġimgħat tal-kampanja elettorali l-kandidati kollha tal-Partit Laburista, b’mod partikulari numru ta’ Ministri u esponenti ewlenin fil-Gvern Laburista imbarkaw fuq qadi sfrenat tan-nies.
Ftit eżempji minn lista twila, li tkopri wkoll x’ġara fil-ġimgħat ta’ qabel fiċ-Ċivil:
Għoti ta’ impjieg. Impiegi li ma kienx hemm bżonnhom u allura poġġew piż inutli fuq il-kaxxa ta’ Malta;
Promozzjonijiet li ħolqu inġustizzji għaliex ħarbtu s-sistema ta’ kif normalment jingħataw promozzjonijiet;
Transfers mingħajr każ għall-bżonnijiet tad-dipartimenti konċernati jew saħansitra transfers vendikattivi lil min
kien qed jesprimi fehma li ma kinetx iddoqq għal widnejn il-Gvern;
Ħaddiema kemm jidħlu jippanċjaw jew jiffirmaw u jitilqu lura lejn darhom jew lejn l-impjieg li tassew għandhom;
Mal-500 promozzjoni fil-Forzi Armati ta’ Malta;
Gelgul ta’ impjiegi u promozzjonijiet fil-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma;
Għexieren ta’ dħul ta’ kuntistabblijiet ġodda fil-Korp tal-Pulizija;
Għexieren ta’ dħul ta’ membri ġodda fil-Forzi Armati ta’ Malta;
Għexieren ta’ dħul ta’ membri fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin;
Pulizija trasferiti biex ikunu akkomodati u oħrajn ingħataw trasferimenti vendikattivi;
Dħul ta’ għexieren ta’ ħaddiema fil-Gozo Channel;
Dħul ta’ għexieren ta’ ħaddiema mal-isptar privat Vitals f’Għawdex, bil-pagi jitħallsu mill-gvern;
Dħul ta’ għexieren ta’ ħaddiema biex jieħdu ħsieb iċ-Ċittadella f’Għawdex;
Għoti ta’ rmiġġi u pontoon, saħansitra persuna li anqas biss għandha opra tal-baħar;
Xogħlijiet infrastrutturali fil-privat b’materjal tal-Gvern u b’ħaddiema tal-Gvern;
Ħaddiema mal-privat f’Għawdex saħansitra telqu mill-impjieg tagħhom li għalih kienu jitħallsu ferm aktar mill-paga
mal-Gvern għaliex ingħataw xogħol fiċ-Ċivil;
Skejjel f’Għawdex ‘mifqugħa’ bl-għadd kbir ta’ fattigi li ntbagħtu fihom;
Xogħlijiet f’oqsma tad-djar tal-Gvern biex ikunu aġevolati l-inkwilini wara li kien ilhom jittallbu s-snin biex isiru
ogħlijiet ta’ titjib fil-binjiet fejn joqogħdu;
Ħruġ ta’ gelgul ta’ permessi mill-Awtorità tal-Ippjanar li baqgħet taħdem bla heda sa sbieħ is-Sibt filgħodu jum il-votazzjoni;
Ħruġ ta’ gelgul ta’ permessi mid-Dipartiment tal-Artijiet fejn ukoll ix-xogħol baqa’ għaddej sa lejliet il-Jum tal-Elezzjoni Ġenerali;
Pazjenti kienu operati fl-Isptar Mater Dei wara li l-operazzjoni li kellhom bżonn tressqet ‘il quddiem;
Pazjenti oħrajn kellhom żjarat sfaċċati minn persuni qrib il-Ministru konċernat b’tabelli mdawra fuq sidirhom biex
a jkunux identifikati;
Familji rċevew rigali redikoli bħal ħobż, fliexken tal-inbid u hampers bil-wiċċ tal-Ministru/kandidat Laburista;
Żgħażagħ imwiegħda impjiegi mill-aqwa f’Dar Malta fi Brussell;
Anzjani fir-Residenza San Vinċenz de Paul rċevew pakkett ta’ xugamani u oġġetti oħrajn li mhux soltu jirċievu bħalu;
Sidien ta’ ristoranti kellhom permessi regolarizzati;
Sidien ta’ gabbani u anki ristoranti sarulhom arranġamenti biex ikunu jistgħu joħorġu mwejjed barra;
Sidien ta’ ristoranti ngħataw il-kelma li se jibdew jirċievu delegazzjonijiet minn barra b’mod regolari kull xahar;
Pensjonanti rċevew ċekkijiet b’mijiet ta’ ewro li anqas jafu għal-liema raġuni;
Persuni b’kawżi quddiem il-Qorti kienu mwiegħda lilhom li darba jkun il-Gvern Laburista mill-ġdid fil-Gvern allura l-każ tagħhom ikun riżolt bl-aħjar mod possibbli;
Intriċċi għal promozzjonijiet maħsuba fil-Bank Ċentrali ta’ Malta u f’entitajiet governattivi oħrajn;
Promozzjonijiet fil-qasam tas-saħħa, fost l-oħrajn fost l-infermieri
Id-doża ta’ qadi żdiedet mal-kampanja elettorali
Ir-riżultat elettorali ta’ bħal-lum ġimgħa jqanqal ħafna mistoqsijiet li wieħed ikun jista’ jwieġeb biss darba dan ir-riżultat ikun xjentifikament analizzat, iżda li hu minnu fiċ-ċert hu li l-Gvern u l-Partit Laburista rnexxielhom b’suċċess kbir jirbħu eluf ta’ voti wara li l-votanti ngħataw dak kollu li riedu, fil-parti l-kbira ta’ każi – direttament jew indirettament – f’impjiegi ġodda u promozzjonijiet.
Lejn tmiem il-kampanja elettorali, meta l-Partit Laburista kien qiegħed ikompli jħoss mewġa kbira kontra tiegħu, din id-doża ta’ qadi saret aktar aggressiva. Kien sar kredu għall-Gvern li kull persuna tinqeda u tingħata dak kollu li trid akkost ta’ kollox.
Kien għalhekk li l-Prim Ministru lejn tmiem il-kampanja elettorali beda jenfasizza mhux biss biex il-folol ta’ quddiem jmorru jikkonvinċu u jiġbru aktar voti ta’ persuni li ma redux jivvutaw, imma saħansitra biex dakinhar tal-Elezzjoni Ġenerali l-votanti Laburisti jmorru jivvutaw kmieni.
Dan sar biex saħansitra min kien qiegħed jhedded lill-Partit Laburista li ma kienx se joħroġ jivvota, allura dakinhar tal-votazzjoni jkun identifikat b’aktar faċilità u jinqeda mill-kandidati jew l-irjus Laburisti.
//= $special ?>