Lokali

Il-Partit Nazzjonalista ffaċċja sfidi enormi u llum miexi fuq pjan serju għat-tul – It-Teżorier tal-PN Alex Perici Calascione

Minn Joe Cassar

F’dawn l-aħħar erba’ snin iffaċċjajna l-isfidi enormi li kellna niffaċċjaw. Inħoss li se nħalli lis-suċċessur tiegħi qasam li dejjem se jkollu ħafna xogħol x’jonqos isir fih, imma żgur bi pjan li qed jaħdem, għat-tul, serju, studjat u organizzat mhux biss għal issa imma għas-snin li ġejjin. Bl-umiltà nesprimi sens ta’ sodisfazzjon li tajt il-kontribut ċkejken tiegħi biex f’dawn l-erba’ snin dan kollu seta’ jseħħ minkejja l-isfidi li kellna quddiemna.

Hekk qal Alex Perici Calascione, it-Teżorier tal-Partit Nazzjonalista, f’intervista ma’ In-Nazzjon dwar il-qagħda finanzjarja tal-Partit Nazzjonalista, issa li l-partit għadu ħiereġ minn kampanja elettorali, bl-ispejjeż kollha li din iġġib magħha.

Fl-intervista, fost affarijiet oħra, Alex Perici Calascione xtaq iserraħ ras kull min investa fl-iskema taċ-ċedoli, li nieda b’suċċess il-Partit Nazzjonalista sena ilu, li minkejja l-bidla fit-tmexxija tal-Partit, l-iskema se tibqa’ għaddejja bl-istess serjetà ta’ qabel u diġà tħallsu l-ewwel interessi wara l-ewwel sena, u hekk se jibqa’ jsir b’konsistenza matul is-snin li ġejjin, kollox kif miftiehem u ppjanat, u bħalma kien spjegat mill-ewwel, mingħajr obbligazzjonijiet ‘moħbija’ ma’ ħadd.

Id-deċiżjoni li ma jerġgħux jikkontestaw

Lil Alex Perici Calascione tlabtu jispjegali xi ħtieġa kien hemm li nies b’karigi bħal tiegħu, ta’ Teżorier, ma jerġgħux jikkontestaw għal din il-kariga.

Qalli li qabel xejn xtaq jiċċara l-fatt li ħadd mill-uffiċjali tal-Partit ma rriżenja u eżatt wara r-riżultat tal-elezzjoni ġenerali l-uffiċjali kollha baqgħu għaddejjin b’ħidmiethom u se jibqgħu jagħmlu hekk saż-żmien tal-elezzjonijiet interni tal-Partit.

Alex qal li f’konferenza tal-aħbarijiet wara r-riżultat, il-Kap tal-Partit Simon Busuttil ħabbar li sew hu kif ukoll il-Grupp ta’ Tmexxija kienu qed jerfgħu r-responsabbiltà politika tar-riżultat u ħabbru li ma kinux bi ħsiebhom jikkontestaw il-karigi tagħhom mill-ġdid.

“Wara dan, jiena, Trevor De Giorgio u Jean Pierre Debono tkellimna u ħassejna li filwaqt li ma konniex parti mill-Grupp ta’ Tmexxija, bħala uffiċjali kien sew li b’sens ta’ kolleġġjalità u lealtà niddikjaraw li ma konniex se nikkontestaw l-istess karigi li nokkupaw bħalissa.”

Madankollu Alex aċċertani li l-hidma u l-involviment tiegħu u tal-kollegi fi ħdan il-Partit Nazzjonalista assolutament ma kinetx se tieqaf hawn – anzi x-xogħol jiżdied b’aktar ħeġġa u aktar determinazzjoni “għaliex il-baħrin ta’ veru tkun tridhom fil-maltemp u mhux fil-bnazzi.”

Alex diġà ddikjara pubblikament id-dedikazzjoni kompleta tiegħu lejn dan il-Partit u lejn il-prinċipji li jħaddan, u enfasizza li hu kien u għadu dispost li jgħin f’kull bżonn li jista’ jkollu l-Partit.

Partit bi sfidi kbar

Hu fatt magħruf li wara l-elezzjoni tal-2013 il-Partit Nazzjonalista kien kostrett jiffaċċja sfidi finanzjarji mhux żgħar… x’kien jirrikjedi x-xogħol dak iż-żmien biex il-partit iqum fuq saqajh finanzjarjament?

Alex qalli li d-direzzjoni tal-Kap tal-Partit kienet waħda ċara u diretta. “Aħna kellna naqbdu l-barri minn qrunu mill-ewwel għaliex li kieku ma għamilniex hekk, kollox kien f’riskju kbir.”

Bdejna billi għamilna assessment ta’ dak li sibna biex inkomplu fuq it-tajjeb u nirriorganizzaw mill-qiegħ kull fejn kien jeħtieġ. Kien ċertament żmien diffiċli u iebes ħafna, u kienu jinħtieġu wkoll deċiżjonijiet ibsin u anke, ħafna drabi, ta’ għafsa ta’ qalb. Iżda ma kellna assolutament ebda triq oħra, spjega Alex.

Hu kompla li x-xogħol kien mifrux fuq erba’ toroq importanti li kellhom ikunu segwiti b’urġenza u kollha kemm huma fl-istess żmien.

“L-ewwel li nattakkaw immedjatament it-telf fl-operat li kull xahar kien qiegħed iżid mad-dejn, b’mod li nibbilanċjaw ħalli l-ispiża ta’ kull xahar tiġi koperta kollha mid-dħul ta’ kull xahar. Hawn kien kruċjali r-rwol ta’ Chris Said l-ewwel u ta’ Rosette Thake wara.

It-tieni li noħolqu pjan għat-tul, studjat, dettaljat, fattibbli u serju biex naffrontaw id-dejn tas-snin passati u li fuqu l-Partit ikun jista’ jimxi għas-snin ta’ wara. L-ewwel passi saru taħt il-gwida ta’ Ray Bugeja u wara ħdimna aktar fuq Pjan ta’ Ristrutturar Finanzjarju finali bl-għajnuna ta’ numru ta’ esperti ewlenin li daħlu fid-dettall ta’ kull ma kellu u seta’ jsir. Dan il-Pjan għenna biex insalvaw prattikament dak kollu li ta’ qabilna kienu ħallewlna bħala proprjetajiet, bi ftit eċċezzjonijiet li kienu għalkollox inevitabbli. Ann Fenech ħadmet sew fuq l-implimentazzjoni ta’ dan il-pjan.

It-tielet li nżidu u norganizzaw aħjar, b’attenzjoni kbira għal spejjeż u kollox skont pjan maħdum, dawk l-attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi li mingħajrhom il-Partit ma jista’ bl-ebda mod jaħdem. Dawn jinkludi l-Maratoni, il-Lotterija Indipendenza, l-Iskemi kollha ta’ Clubs u skemi oħrajn, il-Fieri u l-inizjattvi l-oħra kollha. Xi kultant konna wkoll, biex inkun onest, inħossu li qegħdin dejjem niġru wara n-nies għall-flus, iżda konna nafu li, ladarba aħna ma ridna bl-ebda mod niddependu minn ħadd u mill-ebda grupp wieħed jew ieħor ta’ kontributuri, kellna napplikaw il-prinċipju tal-ftit mingħand il-ħafna. Hawn insemmi lil Malcolm Custò, li ħadem ħafna f’din il-parti tax-xogħol li kellna nagħmlu.

Ir-raba’ triq, daqstant importanti, kienet li nsaħħu fil-ħidma finanzjarja tal-Partit, id-dixxiplina u l-accountability. Illum għalhekk għandna żewg strutturi – il-Finance PN u l-Grupp ta’ Reviżuri li jieħdu ħsieb li kull spiża ssir b’mod responsabbli, bi pjan u biss skont il-bżonn. Dan hu x-xogħol li forsi jidher l-inqas imma li mingħajru konna nirriskjaw li x-xogħol l-ieħor kollu jisfaxxa fix-xejn.”

Ir-rispons tal-partitarji

Staqsejt lil Alex x’kien l-andament tat-tesserati fil-perjodu li hu serva bħala Teżorier. Kemm kien sodisfatt bir-rispons tal-partitarji fl-attivitajiet tal-partit bħal maratoni ta’ ġbir ta’ fondi, eċċ?

B’konvinzjoni, Alex spjegali li l-progress fit-tesserament kif ukoll il-mod kif in-nies wieġbu għal kull sejħa ta’ ġbir ta’ fondi żgur li jimlieh b’sens ta’ gratitudni u sodisfazzjon.

Irrevedejna l-ħlasijiet għat-tesserament u bl-għajnuna prezzjuża ta’ Jean Pierre Debono ħdimna ħafna mal-Kumitati Sezzjonali tagħna kollha, li nirringrazzjahom minn qalbi tal-ħidma ma taqta’ qatt tagħhom, qal Alex.

Hu kompli li sas-sena li għaddiet, kellna mal-2,500 tesserament ġdid; ġew lura mal-1,330 tesserat li ma kinux ġeddew it-tessera tagħhom għal xi żmien u għoliet il-figura tal-average nazzjonali ta’ tqassim b’suċċess ta’ tesseri minn 49% għal 86%.

It-Teżorier tal-PN qal li d-dħul mill-Maratoni u mill-inizjattivi għal ġbir ta’ fondi żdied u kien innutat rispons pożittiv dejjem u f’kull okkażjoni. “Dan kollu kien jimliena b’kuraġġ li nibqgħu għaddejjin u permezz ta’ dawn il-flus, mhux biss inkomplu nħallsu puntwalment id-dejn l-antik imma niffinanzjaw l-attivitajiet politiċi kurrenti.”

L-iskema taċ-ċedoli

Smajna ħafna bl-iskema taċ-ċedoli u kemm din kienet suċċess. Issa li l-Partit se jkollu mhux biss teżorier ġdid imma anki l-kumplament tat-tmexxija se tkun differenti, se jkollu moħħu mistrieħ kull min investa flusu f’din l-iskema?

Alex qalli li l-iskema taċ-ċedoli kienet tassew suċċess kbir. Anki hawn, dan kien pass studjat, ippjanat u maħsub fil-Pjan ta’ Ristrutturar Finanzjarju sa minn tal-inqas sena qabel ma bdiet din l-inizjattiva.

Anki hawn, ir-rispons tan-nies kien ta’ inkoraġġiment kbir. “Jiena u Ann Fenech iltqajna ma’ ħafna nies, minn Malta u minn Għawdex, li wrew fiduċja u appoġġ qawwi immens. L-iskema taċ-ċedoli hi regolata bi ftehim legali bejn dawn il-persuni u bejn il-Partit, u ma jiddependux ċertament minn xi uffiċjal jew ieħor tal-Partit. Kollox jibqa’ miexi eżatt kif ippjanat mingħajr l-iċken effett. Diġà għaddiet sena għal numru minn dawn iċ-ċedoli u kollha tħallsu l-interessi skont il-ftehim, u hekk se jibqa’ jsir.”

Alex kompla jgħid li ċ-ċedoli għenu biex il-Partit jakkwista flus li bihom irristruttura djun li kienu xorta qed jitħallsu b’rata ta’ imgħax ogħla, u dan sar mingħajr ma l-Partit ħoloq xi obbligazzjonijiet ‘moħbija’ ma’ xi ħadd.

Il-ħidma tkompli

Lejn tmiem l-intervista, Alex Perici Calascione qalli li kif esprima diġà pubblikament, m’għandux biżżejjed kliem biex jirringrazzja lil kulħadd tal-appoġġ li sab dejjem u bla waqfien. “B’umilta’ nesprimi s-sens ta’ sodisfazzjon li tajt il-kontribut ċkejken tiegħi biex dan kollu seta’ jseħħ, minkejja l-isfidi enormi li kellna niffaċċjaw.”

Il-konvinzjoni tat-Teżorier tal-Partit hi li se jħalli lis-suċċessur tiegħu qasam b’ħafna xogħol li jonqos isir fih, iżda li miexi skont pjan għat-tul, serju, studjat u organizzat għas-snin li ġejjin.

“Il-ħidma tkompli għal kull min irid jagħti sehmu f’dan il-Partit kbir tagħna u nistieden lil kulħadd ikompli jingħaqad magħna u jsaħħaħ l-involviment tiegħu ħalli nibqgħu għaddejjin fiż-żmien li ġej.”