L-impjegati tal-Bank of Valletta l-ġimgħa li għaddiet ipparteċipaw f’attivita’ ta’ għoti tad-demm u dan biex ifakkru fil-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm u anke sabiex iqajmu aktar kuzjenza fost il-pubbliku għal bżonn li naħsbu f’ħaddieħor.
Il-Jum Dinji ddedikat għad-donaturi tad-demm din is-sena se jaħbat fl-14 ta’ Ġunju. Malta hija waħda minn 62 pajjiż li jiġbru 100% tal-provvista tad-demm tagħhom mingħand donaturi volontarji. F’Malta, bħala medja ikun hawn bżonn ta’ 50 borża demm kuljum. Dan biex tintlaħaq id-domanda għall-operazzjonijiet skedati u biex jiġu appoġġjati l-pazjenti tal-kanċer.
Din kienet it-tieni kampanja favur l-għoti tad-demm li l-BOV organizza din is-sena. F’din it-tieni attivita il-Malta National Blood Transfusion Mobile Unit kellha 44 impjegat tal-BOV jagħmlu d-donazzjoni tagħhom.
Fi stqarrija l-Kap tal-PR u Marketing tal-BOV Charles Azzopardi qal li l-kampanji favur l-għoti tad-demm saru avveniment regolari għall-impjegati tal-bank. Qal wkoll li huwa nkoraġġanti li l-ħaddiema jieħdu sehem b’ċertu ħeġġa.
Hemm diversi modi kif wieħed jista’ jagħti d-demm. Dan billi jew isir kuntatt maċ-Ċentru Nazzjonali ta’ Malta tat-Trasfużjoni tad-Demm fuq in-numru tat-telefon 2206 6201, 7930 7307 jew permezz tal-posta elettronika fuq customercare.nbts@gov.mt. Hemm ukoll il-freephone: 8007 4313.
//= $special ?>