Fil-gazzetta il-mument il-Ħadd kien żvelat li Gerda Bennet ta’ 22 sena spiċċat tilfet lill-għarus tagħha Sebastian Belanger ta’ 36 sena fl-attakk terroristiku fl-inħawi ta’ London Bridge, fil-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd ta’ ġimgħa ilu, waqt li kienet għal btala f’Malta.
Sebastian kien chef Franċiż li jgawdi popolarità kbira u nhar it-Tlieta li għadda kien konfermat bħala l-aħħar vittma ta’ din l-atroċità hekk kif tmien persuni innoċenti tilfu ħajjithom kaġun ta’ dan l-attakk terroristiku li seħħ fuq London Bridge u f’Borough Market fil-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd ta’ ġimgħa ilu.
Appell imqanqal għall-għajnuna minn Malta
Bennet saħansitra bagħtet diversi appelli ta’ għajnuna minn Malta fosthom permezz tal-midja soċjali. Hija rrikorriet għall-paġna tagħha fuq Facebook. Hi kitbet messaġġ fuq Facebook fejn stqarret li hija kienet tinsab Malta għal btala u kienet iffaċċjata b’sitwazzjoni ta’ emerġenza wara li l-għarus tagħha kien ilu rrappurtat nieqes għal 24 siegħa. Hi kompliet tagħti aktar dettalji f’dan l-ewwel appell tagħha: “hu kien eżattament fil-post fejn seħħ l-attakk. Jien ninsab Malta u titjira lura hija nhar it-Tlieta (6 ta’ Ġunju) minħabba li bħalissa m’hemmx titjira oħra qabel dik il-ġurnata… jekk xi ħadd għandu xi biljett biex intir għada jew qabel lejn Londra, nagħmel dak kollu possibbli biex inpartat il-biljett! Jekk jogħġobkom infurmawni kemm jista’ jkun malajr. Bħalissa ninsab iddisprata u rrid nirritorna biex immur insibu u nassigura li huwa qawwi u sħiħ. Ma nistax norqod jew nagħlaq għajnejja. Qed nibża’ u għandi bżonn l-għajnuna tagħkom. Lesta nħallas il-flus jew nagħmel dak li hu meħtieġ.”
It-tieni appell mill-ajruport ta’ Malta
Dan l-ewwel appell kien segwit b’appell ieħor nhar it-Tnejn li għadda, 5 ta’ Ġunju. Gerda kkonfermat li kienet għadha ma rċeviet ebda informazzjoni dwar l-għarus tagħha Sebastian. Hija appellat biex jekk xi ħadd kien rah jew jaf xi ħaġa dwaru, jagħmel kuntatt magħha. L-appell ta’ Gerda sar mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qabel ma kellha tirritorna lejn Londra fil-11 a.m..
Il-mument li kien konfermat mejjet
Iżda t-tama li Gerda ssib lil Sebastian ħaj sfumat fix-xejn hekk kif nhar it-Tlieta li għadda filgħaxija ħarġet l-aħbar li kien konfermat li l-għarus ta’ Gerda kien wieħed mill-vittmi tal-attakk terroristiku li seħħ fuq London Bridge u l-inħawi.
Il-ħbieb ta’ Sebastian Belanger għamlu tfittxija għalih, li kien spiċċa biex infired minn magħhom hekk kif it-tliet terroristi faqgħu t-trakk barra l-istabbiliment Boro Bistro.
Dawk li kienu miegħu għamlu tfittxijiet saħansitra fl-isptarijiet kollha fejn ittieħdu l-vittmi, u bdew kampanja fuq Facebook bit-tama li jinstab. Huma waħħlu wkoll posters fl-inħawi ta’ London Bridge, bit-tama li l-ħabib tagħhom kien qiegħed ibati biss minn amnesija riżultat tax-xokk, u forsi xi ħadd seta’ ntebaħ bih.
Sat-Tlieta filgħodu kienet għadha qed issir tfittxija għalih. Saħansitra sigħat qabel ma l-awtoritajiet Ingliżi infurmaw lil qrabatu li kienu sabu katavru li ssuspettaw li kien ta’ Sebastian, l-għarusa tiegħu Gerda kitbet: “Grazzi ħafna tal-appoġġ tagħkom. Għadna bla ebda aħbar. Illum ħdimna ħafna flimkien mal-ħbieb ta’ Sebastian u qrabatu madwar Londra… nittama li ma ndumx ma narah. Nitlob skuża li ma weġibtx lil kulħadd, imma m’għandix l-enerġija u l-ħin, u kulma rrid huwa li nsibu u ngħannqu … ngħidlu ‘nħobbok’ u nara t-tbissima tiegħu.”
Il-firda fil-ħin tal-attakk terroristiku
Ħabib ta’ Sebastian li kien miegħu fil-ħin tal-attakk terroristiku rrakkonta dak li għaddew minnu. Robin ta’ 24 sena qal li fil-paniku tilfu l-kuntatt u ma baqgħux jaraw lil Sebastian. “Bdejna lkoll ngħajtu: ‘Seb, Seb!’ Ma kellna l-ebda idea ta’ liema direzzjoni kien ħa jew x’ġara. Ippruvajt inċempillu imma ebda tweġiba.
Gerda Bennet, l-għarusa tal-vittma, irrakkuntat kif ħbiebu qalulha li f’temp ta’ bejn ħames u għaxar sekondi kulħadd beda jwerżaq u jgħajjat, u bdew jiġru. Kien f’dan il-mument li tilfu l-kuntatt minn miegħu. “Wieħed mill-ħbieb ta’ Sebastian qal li wieħed mit-terroristi li kellu sikkina kien ferm qrib tagħhom sakemm bdew jiġru biex jaħarbu.”
Gerda Bennet ikkonfermat li l-aħħar darba li kellha kuntatt mal-għarus tagħha kien fl-10 p.m. tas-Sibt; jiġfieri ftit ħin qabel ma seħħ l-attakk terroristiku, u li huma kienu wkoll bagħtu messaġġ bil-mowbajl fil-5 p.m. tas-Sibt.
Rakkont ta’ mħabba minn qalb muġugħa
Il-weġgħa kbira li ħalliet din it-telfa fir-relazzjoni li Gerda kellha ma’ Sebastian wasslet biex nhar il-Ħamis li għadda kitbet messaġġ ta’ mħabba fuq il-paġna tagħha ta’ Facebook. “Kien isejjaħli mon amour daqslikieku kien ismi… kont tnissilli tbissima u li nkun dak li jien. Kont tħares lejja b’mod li ħadd qatt ma seta’ jħares lejja b’dak il-mod… naf li issa tinsab ma’ missierek u issa tista’ tgħidlu dak kollu li dejjem xtaqt… issa jmiss lili li nistenna sakemm inkun nista’ nerġa’ niltaqa’ miegħek u ngħidlek dak kollu li nkun nixtieq… Nixtieqek tkun taf kemm għamilna biex insibuk, kemm inħobbok, kemm nixtieq nerġa’ nista’ nħossok, kemm nixtieq nisma’ leħnek u nara għajnejk… dik il-ħarsa unika… ma nistax nieqaf naħseb kemm ippjanajna u kemm ippjanajt flimkien ma’ ħbiebek… dawk id-diskursati twal li kien ikollna, anke jekk inti kont aktar toqgħod tisma’… Ma nistax nemmen kif tlifniek bla ebda raġuni ta’ xejn… ma ħaqqikx dan… ma nafx kif se ngħix mingħajrek… lil min se nċempel? Min se jistennieni d-dar? Int għalija l-aqwa, l-imħabba li inti tajtni se tibqa’ għal dejjem miegħi. Għandek ukoll ħbieb u familja mill-aqwa u mill-aħjar, ma nistax nirringrazzjahom biżżejjed għal dak li qed jagħmlu… kulħadd iħobbok ħafna u jweġġa’ ħafna l-fatt li inti m’intix magħna aktar. Nittama li tinsab ferħan u li ssib id-dawl… kull lejl niltaqa’ miegħek fil-ħolm tiegħi mon bebe, mon amour, mano meile… kif tgħid il-kanzunetta tagħna… inħobbok, aħna qegħdin hawn għalik u se nibqgħu għalik.”
