Rapporti fil-midja Spanjola qed jgħidu li Cristiano Ronaldo mhux mistenni jilgħab fil-finali tal-UEFA Super Cup bejn Real Madrid u Manchester United. Il-Merengues se jserrħu lil Ronaldo li jkun għadu kemm ħa sehem fit-Tazza tal-Konfederazzjonijiet mal-Portugall.
Il-finali se tintlagħab nhar it-Tlieta 8 ta’ Awwissu fil-grawnd nazzjonali tal-Maċedonja fil-belt ta’ Skopje. Real huma l-holders ta’ din il-kompetizzjoni wara li sena ilu rebħuha kontra Sevilla. Real Madrid kisbu d-dritt li jikkontestaw il-finali ta’ din is-sena meta ġimgħa u nofs ilu għelbu lil Juventus fil-finali taċ-Champions League filwaqt li Manchester Utd kisbu d-dritt li jikkontestaw il-finali fi Skopje wara li xahar ilu rebħu kontra Ajax fil-finali tal-Europa League.
Kulħadd kien qed jistenna lil Ronaldo jaffronta lill-ekstim tiegħu fl-ewwel finali tal-UEFA għall-istaġun li ġej imma għat-tieni sena konsekuttiva l-Portugiż mistenni jitlef din il-finali. Fl-2016 hu ma kienx lagħab kontra Sevilla minħabba li kien weġġa’ fil-finali tal-Euro 2016.
Ta’ min jinnota li Ronaldo jista’ anke ma jkunx parti mit-tim ta’ Real li se jmur għall-preseason fl-Istati Uniti.
It-tour taċ-champions Ewropej fl-Istati Uniti se jibda fit-23 ta’ Lulju.
L-uniku tama li Ronaldo jilgħab kontra r-Red Devils hi jekk kemm-il darba l-Portguall ikunu eliminati fi stadju bikri fit-Tazza tal-Konfederazzjonijiet u dan ifisser li l-perjodu ta’ mistrieħ li se jingħata Ronaldo jintemm qabel.
//= $special ?>