Nittama li dak li jirrapreżenta u jemmen fih il-Partit Nazzjonalista – l-valuri u l-prinċipji – jibqa’ jgħodd u jsir żball jekk nibdew naħsbu li għax il-Partit Nazzjonalista tilef l-elezzjoni, dawn il-prinċipji m’għadhomx tajbin. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt li kien qed jindirizza l-attivisti Għawdex fis-Sub Headquarters tal-Partit Nazzjonalista f’Ta’ Sannat, Għawdex.
Simon Busuttil irrikonoxxa li r-riżultat tal-elezzjoni ġenerali ma kienx wieħed mixtieq u mistenni, u issa kulħadd irid jistudja r-riżultat u jagħmel l-analiżi tiegħu. “Minkejja li aħna ddispjaċuti bir-riżultati, irridu niffaċċjaw ir-realtà b’dinjità u maturità,” sostna Simon Busuttil. Hawnhekk hu tkellem dwar ir-responsabbiltà politika li trid tintrefà, u li hu l-ewwel wieħed li jerfa’ r-responsabbiltà politika għar-riżultat tal-elezzjoni ġenerali. “Għalhekk, qed nikkonferma d-deċiżjoni tiegħi li ma nibqax Kap tal-Partit. Nifhem li dan hu pass li intom ma tixtiqux u ta’ dan nirringrazzjakom għaliex intom daħħaltuni f’darkom u f’qalbkom u din hi xi ħaġa li jien se ngħożża għal ħajti kollha,” qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Simon Busuttil tkellem dwar il-proċess li se jibda biex jintgħażel Kap ġdid. Hu qal li l-ġimgħa d-dieħla se jiltaqa’ l-Kumitat Eżekuttiv biex jiddiskuti r-regoli għal din l-elezzjoni, li issa, permezz ta’ bidla fl-istatut fl-2014, se ssir fost it-tesserati kollha tal-Partit Nazzjonalista. Minn hemmhekk, u wara li dawn ir-regoli jiġu kkonfermati mill-Kunsill Ġenerali, jinfetħu n-nomini għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, biex l-ewwel elezzjonijiet – jekk ikun hemm aktar minn żewġ nomini – jsiru fil-Kunsill Ġenerali sakemm in-nomini jonqsu għal tnejn. Imbagħad, spjega Simon Busuttil, it-tesserati jagħżlu minn fost dawn iż-żewġ persuni, u din l-għażla – li ssir fiż-żmien tal-Indipendenza – tkun finali. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hu waqt dan il-proċess u sakemm jinħatar Kap ġdid, se jibqa’ jmexxi l-Partit u mhux se jabbandunah.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrefera wkoll għall-allegazzjonijiet serji ta’ xiri ta’ voti, b’diversi affarijiet li ngħataw fl-aħħar jiem qabel l-elezzjoni ma kellhomx jingħataw. Hu rrefera wkoll għall-fatt li kien hemm żieda fost dawk li qalu li ma jafux jiktbu – “donnu l-illiterriżmu taħt Joseph Muscat, flok naqas, żdied”. Saret ukoll referenza għaż-żieda fost il-ħaddiema tal-Gozo Channel kif ukoll għar-rapport tal-Maltatoday li jgħid li f’Għawdex, il-ħaddiema tal-Gvern żdiedu b’1,000. “Aħna m’aħniex se naslu għal konklużjonijiet bl-addoċċ, iżda kull ħaġa li qed tasal għandna, qed ninvestigawha, u jekk naraw li hemm affarijiet serji u li jistgħu jfissru prattiċi korrotti, se naraw li ssir il-ġustizzja,” sostna Simon Busuttil. Dan għandu jsir, spjega l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, anke minħabba l-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Simon Busuttil sfida wkoll lill-Prim Ministru biex jekk veru jemmen fl-għaqda nazzjonali li jitkellem dwarha, għandu jreġġa’ minnufih it-transfers vendikattivi kollha li ordna li jsiru fl-ewwel għaxart ijiem ta’ din il-leġiżlatura. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista bagħat messaġġ ta’ solidarjetà lil dawn il-ħaddiema li spiċċaw vittmi minħabba t-twemmin politiku tagħhom.
Hu sostna li l-Partit Nazzjonalista għandu jibqa’ jemmen fil-valuri tiegħu u li minkejja li għaddiet l-elezzjoni ġenerali, t-tajjeb ma sarx ħażin, u l-ħażin sar tajjeb. Hawnhekk, hu fakkar li kemm il-Prim Ministru kif ukoll iċ-Chief of Staff tiegħu jinsabu taħt investigazzjoni kriminali. “Nisperaw li mhux se ssir pressjoni fuq il-ġudikatura biex dawn ir-reati kriminali jisparixxu,” qal Simon Busuttil, filwaqt li tenna l-impenn tal-Partit Nazzjonalista li se jibqa’ jassigura li titwettaq ġustizzja. Dwar id-dibattitu tal-Parlament Ewropew dwar il-liġi f’Malta, Simon Busuttil fakkar lil Joseph Muscat li qabel jgħid li se jkun qed jiddefendi lill-Maltin, jiftakar li l-poplu Malti u Għawdxi mhux taħt investigazzjoni kriminali, iżda hu u ċ-Chief of Staff tiegħu huma.
Simon Busuttil attakka d-diskors tal-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna li dalgħodu, f’kummenti ma’ The Times, qal li jista’ jkun li min għamel l-investigazzjonijiet tal-FIAU, seta’ kellu xi intenzjoni politika. “Kieku serju, Edward Scicluna kien jassigura li ssir l-investigazzjoni u jittieħdu l-passi, u mhux spiċċa jattakka – flok lil min hu investigat, lil min għamel l-investigazzjoni”, sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Hu sostna li l-elezzjoni mhix washing machine għar-reati kriminali, u li r-reati kriminali kienu u jibqgħu.
B’mod partikolari dwar Għawdex, Simon Busuttil qal li hu diżappuntat bir-riżultat elettorali, iżda bagħat messaġġ tad-determinazzjoni tal-Partit Nazzjonalista li jibqa’ jiġġieled għall-Għawdxin. Hu fakkar li waqt il-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv, ġie deċiż li Marthese Portelli ċċedi t-13-il distrett elettorali, biex b’hekk, il-Partit Nazzjonalista se jkollu 4 Deputati Għawdxin.
Fi tmiem id-diskors tiegħu, Simon Busuttil irringrazzja lil dawk preżenti għal dawn l-aħħar erba’ snin, u għal dak kollu li għamlu miegħu u mal-Partit Nazzjonalista. “Nirringrazzjakom li kontu hemm għalija, – kienu 4 snin ta’ ħidma kbira, diffiċli, iżda li se nibqa’ ngħożż għal ħajti kollha, għaliex matulhom, tgħallimt ħafna. Kontu intom li tajtuni u li daħħaltuni f’qalbkom. Nirringrazzjakom u nappellalkom tagħtu l-istess appoġġ lill-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista, għaliex intom li temmnu fil-Partit Nazzjonalista, temmnu fil-pajjiż,” temm jgħid Simon Busuttil.