Lokali

Familja mill-Kosta tal-Ivorju tingħaqad mill-ġdid f’pajjiżna

Gnabo Maxime Ani u martu Ester Mohiri Zepre kien ilhom mifruda sa mit-2 t’April 2015.

Wara vjaġġ twil mill-Kosta tal-Ivorju lejn il-Libja, huma qasmu bil-baħar, abbord dgħajsa, lejn l-Italja. Iżda Esther kienet tqila, u kumplikazzjonijiet f’saħħitha wasslu biex matul il-vjaġġ ġiet elevata b’ħelikopter lejn pajjiżna biex tingħata l-kura. Żewġha tħalla fuq id-dgħajsa u kompla l-vjaġġ lejn l-Italja.

“Ma kienx hemm. Meta wasalt Malta kont waħdi. Fuq id-dgħajsa, l-irġiel u n-nisa ġew separati. It-tobba ma kienx jinteressahom fejn kien żewġi, il-prijorità għalihom kienet li jsalvaw lili. Bagħtu ħelikopter biex iwassluni lejn Malta,” spjegat Ester f’kummenti lil In-Nazzjon.

“Għall-bidu ma kontx naf li kont separata minn żewġi. Ħsibt li se nsibu. Imbagħad fhemt li kien ’il bogħod minni.”

Nhar it-30 ta’ Mejju 2015, fl-Isptar Mater Dei, Ester welldet tifla li ngħatat l-isem ta’ Julie u ngħataw kenn fid-Dar għar-Refuġjati, immexxija mill-Kummissjoni Emigranti, fil-Bon Pastur, Ħal Balzan.

Bdiet ukoll ħidma minn Monsinjur Philip Calleja, l-Ambaxxata Franċiża, Dar l-Emigrant, u numru ta’ awtoritajiet oħra biex jinstab Maxime, li sadattant kien qasam lejn Grenoble, fi Franza, fejn sab xogħol u ngħata status ta’ refuġjat.

Finalment, is-Sibt li għadda, żewġha wasal f’pajjiżna wara li ħa l-leave biex finalment jiltaqa’ mill-ġdid ma’ Ester u jara għall-ewwel darba lil Julie.

Bid-dmugħ f’għajnejha, Ester tirrakkonta: “Is-Sibt … ġurnata speċjali. Sentejn separati hu perjodu twil ħafna. Ħassejtni sodisfatta ħafna, kont kuntenta ħafna.”

Issa Ester qed tistenna l-laissez-passer, id-dokument ta’ vjaġġar li għandha bżonn biex hi u bintha jkunu jistgħu jidħlu fi Franza u jibdew ħajja ġdida ma’ Maxime. Iżda twiegħed li żżomm għal dejjem f’qalbha lil Malta u l-Maltin.

“Il-Maltin li ltqajt magħhom hawn kienu mimlija b’imħabba. Nitlobhom biex ikomplu jħobbuna, lilna li ġejna hawn f’Malta. Nirringrazzja wkoll lill-awtoritajiet kollha li ħadmu biex jien u żewġi stajna nkunu flimkien mill-ġdid,” tgħidilna Ester waqt li tiddikjara l-imħabba u l-apprezzament tagħha lejn Malta u l-Maltin.

F’kummenti lil In-Nazzjon, Dun Alfred Vella, Direttur ta’ Dar l-Emigrant, jesprimi s-sodisfazzjoni li din l-istorja qed toqrob lejn tmiem feliċi.

“Ir-riunifikazzjoni tal-familja minn dejjem kienet prijorità għalina, kemm issa bil-wasliet tar-refuġjati, kif ukoll fil-passat meta l-Maltijn kienu jħallu pajjiżna, jemigraw, u ridna ngħaqqduhom mill-ġdid ma’ qrabathom,” jispjega Dun Alfred Vella.

Maxime issa jirritorna lura lejn Franza, bit-tama li kemm jista’ jkun malajr tingħaqad miegħu martu. Il-vjaġġ tagħha u binthom diġà tħallas minn benefattriċi ta’ Dar l-Emigrant waqt li l-ħidma flimkien mal-Ambaxxata Franċiża tibqa’ għaddejja biex din il-familja tingħaqad għal dejjem.