L-eks-Deputat Laburista Franco Mercieca, li fl-elezzjoni tat-3 ta’ Ġunju tilef postu fil-Parlament fuq id-disrett ta’ Għawdex, iddikjara li fil-politika hemm ftit spazju għal nies onesti.
Din l-ammissjoni għamilha meta wieġeb għal kummenti u r-reazzjoni tan-nies għal post li tella’ hu fuq Facebook fil-jiem li għaddew.
Franco Mercieca fil-leġiżlatura li għaddiet immexxija minn Muscat, kien irriżenja minn Segretarju Parlamentari wara kwistjoni li kienet qamet b’rabta max-xogħol professjonali tiegħu fil-qasam mediku, bi Franco Mercieca jagħżel il-professjoni u mhux il-Kabinett ta’ Muscat.
Wara l-elezzjoni ta’ aktar kmieni dan ix-xahar, Franco Mercieca kiteb fuq Facebook li filwaqt li kien, għadu u jibqa’ kburi li kkontribwixxa biex il-Partit Laburista rebaħ dawn l-aħħar żewġ elezzjonijiet li ġabu riżultati li bħalhom qatt ma nkisbu mill-Partit Laburista, ir-riżultat kien ta’ diżappunt fuq bażi personali.
Kien hemm diversi kummenti għal dan il-post, bil-maġġoranza kbira tagħhom jawguraw u jirringrazzjaw lil Franco Mercieca għall-ħidma politika tiegħu. Iżda għal kumment li għamel Steve Mallia, eks-Editur ta’ The Sunday Times of Malta, Franco Mercieca wieġeb u rreaġixxa.
Steve Mallia qal li irrispettivament mill-opinjoni politika, hi tal-mistħija meta xi ħadd onest u ta’ intenzjoni tajba, ma jibqax fil-politika.
L-eks-Deputat wieġeb għal dan il-kumment billi qal li hemm ftit spazju għal nies onesti fil-politika.
Franco Mercieca ma kienx elett fuq id-distrett ta’ Għawdex minkejja li l-Partit Laburista rebaħ tliet siġġijiet fil-Parlament. Anton Refalo kiseb l-akbar ammont ta’ voti fl-ewwel għadd – total ta’ 4,853; Justyne Caruana kisbet 3,189; Clint Camilleri 2,466; u Franco Mercieca 1,853. Anton Refalo, Justyne Caruana u Clint Camilleri kienu eletti meta ntemm il-proċess tal-għadd fuq it-13-il Distrett – proċess li wassal biex Franco Mercieca jitħalla barra mill-elelttorat Għawdxi li vvota lill-Partit Laburista.


Dan il-kumment jingħata piż meta wieħed janalizza fuq l-issues li vvota għalihom l-elettorat, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet li saru kemm fil-kampanja elettorali li għaddiet kif ukoll id-deċiżjonijiet li ttieħdu mill-gvern Laburista fil-Kabinett għal din il-leġiżlatura. Kabinett li reġa’ hu magħmul kemm mill-Ministru Konrad Mizzi kif ukoll miċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, lit-tnejn kienu konfermati minn Muscat.