Raġel fi Munich spiċċa midrub wara li fetaħ in-nar b’arma li rnexxielu jaħtaf lil pulizija u fejn spiċċa jferi lil pulizjotta u żewġ persuni oħra fl-istess inċident, li seħħ fl-istazzjon ta’ Unterfohring S-Bahn.
Il-pulizjotta spiċċat feruta f’rasha u ġiet irrappurtata f’sitwazzjoni kritika. Iż-żewġ midruba l-oħra fl-isparatura kienu mfissra bħala persuni ‘li inzertaw fil-post ħażin u fil-ħin ħażin’. L-aħħar rapporti qalu li l-pulizjotta kienet qed tiġġieled għal ħajjitha u li l-midruba kienu wkoll l-isptar biex jingħataw it-trattament dovut.
Ir-raġel responsabbli mill-isparatura nżamm taħt arrest u bħalissa qiegħed jgħin l-istħarriġ tal-pulizija.
Fl-istess ħin, l-awtoritajiet fi Munich qalu li dan ma kienx każ ta’ terroriżmu.
Sadanittant, il-pulizija fis-subborg ta’ Unterfohring jinsabu għaddejjin b’azzjoni intensiva, bis-servizzi tal-ferrovija fiz-zona jispiċċaw sospiżi, minkejja li l-pulizija qalu li ‘ma kienx hemm aktar periklu għall-pubbliku’.
Il-Pulizija li żvelat id-dettalji tal-inċident fl-istazzjon qalu li l-isparatura seħħet wara li l-qawwiet tal-liġi intervjenew biex iwaqqfu ġlieda li kienet għaddejja bejn diversi persuni.
Intant, ir-raġel arrestat – li qed jingħad hu ċittadin Ġermaniż u residenti fi Munich — irnexxielu jispara ħames tiri bl-arma li ħataf sakemm spiċċa midrub.
Ir-rotta tal-S-Bahn li tgħaddi minn Unterfohring hi waħda mir-rotot ewlenin li twassal għall-ajruport ta’ Munich.
//= $special ?>