Internazzjonali

Il-Panama tinħall mir-relazzjonijiet diplomatiċi mat-Tajwan

 

Il-Gvern tal-Panama qata’ ir-relazzjonijiet diplomatiċi mat-Tajwan filwaqt li waqqaf relazzjonijiet maċ-Ċina, f’pass li qed jitqies bħala ‘trijonf’għall-awtoritajiet f’Beijing.

Il-Panama – li kienet ilha bir-rabtiet mat-Tajwan – issa qed tinsisti ‘bir-rikonoxximent ta’ pajjiż wieħed taċ-Ċina’ filwaqt li qed tikkunsidra lit-Tajwan bħala ‘parti minn dak il-pajjiż’.

Ir-reazzjoni mit-Tajwan kienet immedjata u karatterizzata bir-rabja u d-dispjaċir. It-Tajwaniżi anki qegħdin jakkużaw lill-Panama dwar ‘aġir intiż biex jitfagħhom taħt pressjoni’.

Iċ-Ċina ilha għexieren ta’ snin tqis lit-Tajwan bħala provinċja separatista tagħha. Dan meta numru ta’ pajjiżi qed iżommu r-relazzjonijiet ma’ Tajpej minflok ma’ Beijing, bil-Panama tkun l-aħħar pajjiż li qalbet din il-politika ta’ taħt fuq. Illum, fil-fatt, huma biss 20 il-pajjiżi li għandhom ir-relazzjonijiet diplomatiċi mat-Tajwan.

Sadanittant, iċ-Ċina, fl-aħħar snin, intensifikat l-investiment ekonomiku tagħha fil-Panama u fl-aħħar sigħat, il-media Ċiniża pubblikat ritratti tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin taċ-Ċina u l-Panama qegħdin jiffirmaw dokument għar-relazzjonijiet bilaterali filwaqt li jiċċelebraw dan l-avveniment bix-xampanja.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Panama, Juan Carlos Varela, qal (wara l-iffirmar tad-dokument) li hu ‘konvint’ li dan hu l-aqwa triq għal pajjiżu.

Iżda l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin f’Tajpej qal li dan il-‘u-turn diplomatiku’ mill-Panama qed jitqies bħala l-azzjoni ostili ta’ pajjiż ‘li ċeda għall-interessi ekonomiċi min-naħa tal-awtoritajiet f’Beijing’.

It-Tajwan hu partikularment urtat għall-fatt ‘li il-Panama qed tinjora snin kbar ta’ ħbiberija’ u meta ilu sena biss li l-Mexxejja tat-Tajwan, Tsai Ing-wen, kienet żaret il-Panama fl-ewwel vjaġġ tagħha barra pajjiżha, bħala President.