L-indikazzjonijiet żdiedu li l-Gvern ta’ minoranza mmexxi mill-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, ‘il quddiem, se jkun jista’ jiddependi mill-appoġġ tal-Partit Unjonista Demokratiku (DUP) tal-Irlanda ta’ Fuq.
Dan wara laqgħat li saru llum, f’Londra, bejn Theresa May u l-Kap tad-DUP, Arlene Foster – b’talaħħar tgħid li qed tittama li tikkonkludi ‘dalwaqt’ ftehim wara diskussjonijiet ‘ li kienu sejrin tajjeb’. It-taħditiet saru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’10 Downing Street u s-sorsi infurmati ngħataw x’jifhmu li ma kienx hemm ‘xi intoppi partikulari’ li setgħu jtellfu l-ftehim.
Il-laqgħa bejn Theresa May u Foster damet għal aktar minn siegħa u wara, il-Prim Ministru May ma żvelatx dettalji meta kienet fi triqtha lejn il-House of Commons, fejn kienu qed jirritornaw id-deputati. Fl-ewwel impenn parlamentari, id-deputati eleġġew mill-ġdid lil John Bercow bħala Speaker tal-Kamra.
Intant, is-sorsi qrib it-taħditiet indikaw li May u Foster ‘qegħdin jiffinalizzaw l-aħħar dettalji qabel il-ftehim li jippermetti għall-gvern ta’ minoranza.’
Il-ftehim mal-partit ta’ Foster jibqa’ kruċjali għat-tamiet politiċi ta’ May u n-negozjati qed isiru wkoll fi żmien partikularment sensittiv għar-Renju Unit li jrid jibda jinnegozja dwar il-ħruġ tiegħu mill-Unjoni Ewropea. Dan meta l-UE qed tagħmilha ċara li r-Renju Unit ‘mgħandhiex il-ħin x’taħli’ biex jibda l-proċess tan-negozjati ma’ Brussell, li mistenni jdum għal 18 il-xahar.
Theresa May, intant, indirizzat il-House of Commons ta’ Londra, fejn ħeġġet biex id-deputati jingħaqdu ‘fi spirtu ta’ għaqda nazzjonali’ u bil-għan li huma jikkonfrontaw l-isfidi tar-Renju Unit ‘fl-aħjar interessi ta’ kulħadd’.
Dan wara li hi, ilbieraħ, talbet skuża lid-deputati parlamentari tal-Partit Konservattiv għar-riżultat elettorali tal-Ħamis li għadda u fejn hi aċċettat ir-responsabbiltà personali talli naqset milli tirbaħ maġġoranza tal-voti. Ir-rapporti qalu li May insistiet, waqt laqgħa mad-deputati, li ‘hi kienet wasslet għal din is-sitwazzjoni bis-sejħa għal elezzjoni bikrija’ u li ‘għandha tkun hi li toħroġ lit-Tories mill-kriżi’.
//= $special ?>