Fi tmiem il-ġimgħa ġiet organizzata s-seba’ edizzjoni tal-Goalkeeper Battle. L-eksgoalkeeper internazzjonali Malti, Mario Muscat, reġa’ ngħaqad mal-eksgoalkeeper Simon Grech biex jorganizzaw din l-attività li issa kisbet popolarità kbira.
Għall-ewwel darba din saret bil-lejl fil-Luxol Stadium u ngħatat l-isem ta’ ‘The Teamsport Goalkeeper By Night’. Din il-kompetizzjoni kienet opportunità għall-gowlkipers kollha minn disa’ snin ’il fuq biex itejbu l-ħiliet tagħhom u jieħdu gost waqt li jilagħbu l-isport favorit tagħhom.
Għal din l-edizzjoni, bħal m’għamlu fl-aħħar erba’ edizzjonijiet, waqt li t-tfal ħadu gost jilagħbu l-futbol huma għenu lill-Fondazzjoni Żemżem, li hi organizzazzjoni volontarja reġistrata biex tgħin lit-tfal u adulti li qed jingħataw trattament għall-marda tal-lewkemija.
B’kollox, ħadu sehem 186 gowlkiper li kienu mqassma fi tmien kategoriji. Huma ikkompetew f’konfonti diretti sa kemm eventwament hargu r-rebbieha ta’ kull kategorija.
L-istess 186 gowlkiper hadu sehem fiċ-ċerimonja tal-ftuħ fejn wara indirizz minn Simon Grech f’isem il-Kumitat Organizattiv u wara messaġġ mill-membru parlamentari David Agius, mill-Innu Malti kantat minn Debora C ingħata bidu ghal kompetizzjoni.
Sam Calleja rebaħ il-kategorija U9 filwaqt li dik tal-U11 intrebħet minn Listen Ellul Ruggier. Il-kategorija U13 intrebħet minn Beppe Mangion u Sebastian Spiteri rebaħ dik tal-U15. Cain Formosa rebaħ il-kategorija U17 u Clyde Xuereb rebaħ il-kategorija tal-U19.
Kien Uni Akptan li rebaħ il-kategorija tal-kbar u Rachel Borg rebħet fil-kategorija tan-nisa. Dawk preżenti kellhom wkoll iċ-ċans li jieħdu sehem f’irkant b’risq il-Fondazzjoni Żemżem fejn il-gowlkiper ta’ Juventus u tal-Italja, Buffon bagħat lill-organizzaturi flokk tiegħu ffirmat biex ikun irkantat.
//= $special ?>