Il-kummenti tal-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna dwar ir-rapporti tal-FIAU huma inkwetanti ħafna. Aktar u aktar meta huwa l-Ministru responsabbli mill-FIAU. Flok jara kif se jagħmel biex ir-rapporti tal-FIAU dwar reati kriminali minn Keith Schembri u Konrad Mizzi jittieħdu passi fuqhom, Scicluna irid jeħodha kontra min ħariġhom.
Il-Partit Nazzjonalista kkundanna l-kummenti tal-Ministru Scicluna li ta lil timesofmalta.com fejn qal li l-bord tal-FIAU għandu jagħti spjega kif rapporti ta’ din l-aġenzija spiċaw ħarġu fil-media, għalfejn ħarġu u min ħariġhom.
Il-PN talab lill-Ministru Scicluna biex jara li mhux talli ma jeħodiex kontra min ħareġ informazzjoni dwar dak li kienet qegħda tinvestiga l-FIAU, iżda talli jagħti rendikont sħiħ ta’ kemm-il investigazzjoni saret, kienet qed issir u jippubblika bla aktar dewmien il-konklużjonijiet ta’ dawn l-investigazzjonijiet b’mod sħiħ.
Il-fatt li l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni ġenerali li għaddiet, ma jfissirx li l-liġi m’għandiex tapplika għal kulħadd.
L-ebda elezzjoni ma tħassar il-fatt li f’aktar minn rapport wieħed, l-FIAU sabet suspett raġjonevoli li Keith Schembri kien involut f’reati ta’ korruzzjoni, tixħim u ħasil ta’ flus. L-istess jista’ anki jgħodd għal Konrad Mizzi. F’mill-anqas żewġ każi, Keith Schembri għadu saħansitra taħt investigazzjoni kriminali minn żewġ Maġistrati differenti.
Id-dmir tal-Ministru Scicluna m’huwiex li jhedded lil min ħadem fuq dawn l-investigazzjonijiet imma li jara li l-liġi f’pajjiżna tgħodd għal kulħadd, inkluż għal Keith Schembri, Konrad Mizzi u Joseph Muscat.
Mill-Oppożizzjoni, il-Partit Nazzjonalista se jkompli jara li f’pajjiżna il-liġi tkun ugwali għal kulħadd u li l-Gvern ta’ Joseph Muscat ma jkissirx il-ħarsien tal-liġi u l-istituzzjonijiet f’pajjiżna.
//= $special ?>