Lokali Qorti

Nuqqas ta’ qbil dwar jekk il-PN għandux ikun fil-kawża kostituzzjonali dwar żieda fid-Deputati

Fil-Prim Awla, Sede Kostituzzjonali, il-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li jkun parteċipi fil-kawża li l-Partit Laburista qed jagħmel kontra l-Kummissjoni Elettorali dwar iż-żewġ Deputati eletti biex jirrappreżentaw l-ammont ta’ voti miksuba skont il-Kostituzzjoni.

Ir-Rikorsi tal-Partit Nazzjonalista saru mill-Kap tal-Partit Simon Busuttil, mis-Segretarju Ġenerali Rosette Thake u mill-President tal-Kumitat Eżekuttiv Ann Fenech, filwaqt li sar ukoll Rikors minn Carm Mifsud Bonnici u Frederick Azzopardi.

Fit-trattazzjoni, l-Avukat Paul Borg Olivier, li flimkien mal-Avukat Karol Aquilina qed jidher għall-Partit Nazzjonalista, qal li l-Qorti għandha tilqa’ t-talba tal-Partit Nazzjonalista fuq il-bażi tad-deċiżjoni meħuda fil-kawża li l-Partit kellu kontra l-Kummissjoni Elettorali fil-leġislatura li għaddiet, li fiha l-Partit Laburista kien talab li jkun parteċipi għax din taffettwah.

Paul Borg Olivier qal li l-kawża tal-Partit Laburista kontra l-Kummissjoni Elettorali taffettwa direttament kemm lill-Partit Nazzjonalista, kif ukoll liż-żewġ Deputati-eletti Carm Mifsud Bonnici u Frederick Azzopardi. Sostna li d-Deputati jistgħu wkoll ikunu preġudikati milli jitfgħu n-nomini fl-elezzjonijiet każwali.

L-Avukat Pawlu Lia, li qed jidher għall-Partit Laburista, qal li l-Partit Laburista ma jaqbilx li l-Partit Nazzjonalista jipparteċipa f’din il-kawża għax allura, anke l-Partit Demokratiku għandu jkun parteċipi.

Il-Prim Imħallef Silvio Camilleri ssospenda l-kawża għal xi ħin sakemm il-Qorti tikkunsidra l-pożizzjoni tagħha.