Lokali

Transfers vendikattivi fil-Pulizija

Filwaqt li l-Prim Ministru Joseph Muscat fl-aħħar jiem tkellem b’mod ripetut dwar l-impenn tiegħu li jerġa’ jġib l-għaqda nazzjonali fost il-poplu Malti wara li fl-aħħar ġimgħat u xhur reġgħet tnisslet il-firda, il-fatti li qed jirriżultaw mill-Gvern tiegħu huma għalkollox l-oppost.

Minn stħarriġ li għamel In-Nazzjon jirriżulta li fil-jiem li għaddew għadd ta’ membri fil-Korp tal-Pulizija ngħataw transfers vendikattivi sempliċement għaliex huma Nazzjonalisti. Fost l-oħrajn dawn il-membri fil-Korp tal-Pulizija kienu jservu f’lokalitajiet bħall-Belt Valletta, San Ġiljan, Birkirkara kif ukoll f’Raħal Ġdid.

Dawn it-transfers ikomplu jġibu l-kundanna ta’ ħafna quddiem il-kliem sabiħ tal-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar li f’komunikat li bagħat lill-membri tal-Korp, qal li bħala rikonoxximent għal dak li sejjaħ bħala sagrifiċċji fix-xogħol li sar b’rabta mal-elezzjonijiet ġenerali u l-Presidenza tal-UE, qed tingħata ġurnata off żejda.

Sorsi li tkellmu ma’ In-Nazzjon qalulna li immedjatament wara l-Elezzjoni Ġenerali u ċ-ċelebrazzjonijiet tar-rebħa Laburista, huma kienu mgħarrfa biex ma jibqgħux jirrappurtaw għax-xogħol bħas-soltu, iżda biex jibdew jirrappurtaw għax-xogħol f’postijiet oħrajn.

Dawn it-transfers huma purament vendikattivi mit-Tmexxija tal-Korp li milli jidher se ddur għall-Pulizija ta’ twemmin Nazzjonalista u tagħmel vendikazzjoni minnhom permezz ta’ trasferimenti mhux mixtieqa.

Is-sorsi li tkellmu ma’ In-Nazzjon qalulna li wieħed jifhem li għandu jkun dixxiplinat għaliex jonqos mid-doveri tiegħu, iżda ebda membru tal-Korp tal-Pulizija ma għandu jkun trasferit għal xejn b’xejn lejn xi mkien ieħor sempliċement għaliex mhuwiex ta’ twemmin Laburista.

L-istess sorsi żiedu li membri Nazzjonalisti fil-Korp ilhom ikunu żvantaġġati u diskriminati mit-Tmexxija tal-Korp tal-Pulizija u dan minkejja li min qiegħed joħroġ dawn it-transfers vendikattivi hu wkoll marbut b’ġurament ta’ lealtà lejn l-uniformi u li jservi lill-Korp bl-aħjar mod possibbli.

Fil-preżent it-Tmexxija tal-Korp hi magħmula mill-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar; erba’ fizzjali fil-grad ta’ Deputat Kummissarju: Silvio Valletta, Mario Spiteri, Carmel Magri u Antoine Casha; u numru ta’ Assistenti Kummissarji tal-Pulizija. Barra minn hekk fit-Tmexxija tal-Korp illum il-ġurnata hemm l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni, Angelo Gafà, u l-Konsulent ta’ Fiduċja Andrew Seychell.

Ta’ min jgħid li ftit tal-ġimgħat ilu kien żvelat mill-midja tal-Partit Nazzjonalista li t-Tmexxija tal-Korp tal-Pulizija waħidha kienet iddaħħal man-nofs miljun ewro kull sena f’salarji u f’benefiċċji oħrajn.

Lura f’April li għadda l-Gvern Laburista kien ħatar għadd ta’ membri ġodda fit-Tmexxija tal-Korp tal-Pulizija u kif dawk il-ħatriet farseski kixfu bl-aktar mod sfaċċat l-intenzjoni tal-Gvern ta’ Joseph Muscat li jkompli jagħmel mill-Korp tal-Pulizija fergħa tal-Partit Laburista.

Lil hinn mill-argument li fil-Korp tal-Pulizija llum hemm aktar Chiefs milli Indians, il-logħba tal-Gvern kienet waħda ta’ ingann pur… dik li jivvinta karigi fl-ogħla postijiet tat-Tmexxija tal-Korp tal-Pulizija bl-iskop li jkollu l-aktar spazju possibbli biex jimla l-vakanzi fil-gradi ta’ taħt.

Meta l-Gvern ħatar erba’ Deputati Kummissarji ġodda, kien ifisser li ħoloq erba’ vakanzi ġodda fil-gradi ta’ Assistenti Kummissarji.
Darba jinħatru l-Assisenti Kummissarji – ħatriet li huma imminenti – allura mbagħad il-Korp se jisfa’ mneżża’ minn Fizzjali li jokkupaw il-grad ta’ Supretendenti.

Diġà hemm nuqqas ta’ Supretendenti kif inhi l-organigramma llum fil-Korp tal-Pulizija, aħseb u ara meta jimtlew il-vakanzi ta’ Assistenti Kummissarji.

Mela għal darba oħra l-Gvern se jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu l-fakultà li jimla għadd ġmielu ta’ vakanzi fil-grad ta’ Supretendenti bir-riżultat li jbattal ħafna mill-fizzjali li bħalissa jokkupaw il-grad ta’ Spettur biex jerġa’ jirrepeti l-proċess li jkunu jridu jinħatru għadd ta’ membri fil-grad ta’ Spettur.

Sa ftit taż-żmien ilu biss biex persuna tilħaq minn Spettur għal Supretendent kien hemm proċess ta’ numru ta’ snin. Kollox jindika li l-Gvern preżenti – fid-dagħdigħa tiegħu li jikkaċċja kemm jista’ jkun għall-voti – se jagħmel dak kollu possibbli għalih biex jakkomoda l-aġenda tiegħu u għalhekk mhux se jagħti kas li josserva li biex fizzjal isir Supretendent, l-ewwel għandu jagħmel numru ta’ snin fil-grad ta’ Spettur.

Sorsi li tkellmu ma’ In-Nazzjon urew li l-Korp tal-Pulizija qiegħed ikompli għaddej minn mumenti tassew redikoli. Jekk wieħed jgħodd is-salarji u l-benefiċċji li jgawdu l-uffiċjali għolja llum fi ħdan il-Korp, jasal biex ikollu somma mill-isbaħ ta’ għexieren kbar ta’ eluf ta’ ewro.

“Għax l-ironija hi li għalina jgħidu li ma għandhomx flus, li għall-Pulizija li kellhom jieħdu l-flus li jmorru lura għadd ta’ snin ilu qed jgħidu li se jibdew iqassmu xi ħaġa issa… imma mbagħad għal min iridu għandhom flus bl-addoċċ!

“Għax il-verità hi li għall-Pulizija ż-żgħar ma għandhomx lanqas ħwejjeġ u armar ieħor bażiku; għall-Għases is-sitwazzjoni hi tassew medjokri; it-Tmexxija tal-Korp teqred li ma għandhiex flus biex tmexxi… imbagħad il-Gvern għandu l-lussu li jkollu flus kemm irid biex jaqdi mill-koxxa lil numru ta’ fizzjali li jiggarantulu Tmexxija tal-Korp fil-livell ta’ xi fergħa Laburista,” qalulna s-sorsi tagħna fil-Korp tal-Pulizija.

Illum il-Korp tal-Pulizija hu fl-agħar livelli tiegħu. “Kieku tisma’ li jkun solvut xi delitt ftit diffiċli! Kieku tisma’ li jkun solvut xi każ iebes! Xejn. Il-każijiet li jkunu solvuti huma dawk li jkunu solvuti minnhom infushom. Tal-mistħija fil-veru sens tal-kelma! Basta wieħed jifli ftit l-istil ta’ ħajja ta’ ċerti fizzjali fil-Korp tal-Pulizija u l-mod kif jużaw il-karozza tas-Servizz u lix-xufier biex jeħodhom f’ċerti postijiet…”

Imma l-importanti għall-Gvern tal-Prim Ministru Joseph Muscat hu li jagħmel mill-Korp tal-Pulizija sors fejn jista’ jikkaċċja għall-voti. L-importanti għall-Gvern tal-ġurnata mhux li l-poplu Malti u Għawdxi jkollu Korp tal-Pulizija dinjituż kif jixraq lin-nies, imma koċċ nies li jilagħqu lill-Gvern tal-ġurnata.

Għaliex hekk se jkompli jsir fil-promozzjonijiet li se jkomplu jingħataw. Se nkomplu nassistu għal fizzjali li jingħataw aktar promozzjonijiet meta ma jimmeritawx li jingħataw il-promozzjoni. Se nkomplu naraw fizzjali mbuttati ’l quddiem meta kulħadd jaf li ma kinux għall-altezza tal-uniformi tagħhom, li ma mxewx b’mod ġust, li abbużaw mill-kariga tagħhom, li jixorbu u jiskru, li jdaħħku lin-nies bihom, li xellfu difrejhom mal-liġi mingħajr ma ttieħdu passi fil-konfront tagħhom.

Qatt daqs illum mal-Korp tal-Pulizija ma kellu Deputati Kummissarji – erbgħa b’kollox! Verament redikolaġni fl-aqwa tagħha. U dan meta fil-Korp tal-Pulizija hemm diġà l-Ispettur Angelo Gafà fil-grad ta’ Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni responsabbli mill-Amministrazzjoni tal-Korp tal-Pulizija.