Lokali

FILMAT: Baraxx ta’ kritika ħarxa mill-MEPs dwar il-Gvern ta’ Muscat u l-Panama Papers

Baraxx ta’ domandi iebsin, stqarrijiet diretti lejn Joseph Muscat, u l-bżonn ta’ azzjoni mill-Gvern Malti biex jitnaddaf isem pajjiżna. Messaġġ ċar mid-Deputati Ewropej illi Malta ma tistax tibqa’ tkaxkar b’dan l-iskandlu. Fuq kollox, messagg illi l-elezzjoni generali ma solviet assulutament xejn minn dan l-iskandlu.

Dan ħareġ waqt diskussjoni twila u mqanqla li saret fil-bini tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu, fejn id-Deputati Ewropej trattaw l-iskandlu tal-Panama Papers u s-Saltna tad-Dritt f’Malta.

Quddiem il-Prim Ministru Malti, iċ-Chairperson tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew Manfred Weber saqsa għaliex il-Ministru Konrad Mizzi inżamm minn Muscat fil-Kabinett tiegħu. “Int irbaħt l-elezzjoni, iżda l-mistoqsijiet għadhom hemm. U llum irridu risposti mingħandek”.

Petr Jezek mill-Grupp tal-ALDE ukoll poġġa ħafna domandi fuq il-mod kif mexa l-Gvern ta’ Muscat quddiem l-iskandlu tal-Panama.

Fabio De Masi spjega kif Malta hija assoċjata mal-bejgħ tal-passaporti, mar-rabtiet mal-mafja u ma’ Ministri li jinsabu fil-Panama Papers.

Sven Giegold, mill-Grupp tal-Ħodor, sostna li l-Parlament Ewropew huwa mħasseb bis-sitwazzjoni f’Malta. Semma’ b’mod partikolari l-investigazzjonijiet tal-FIAU, li dwarhom il-Gvern ta’ Muscat ma għamel assulutament xejn. “Nistennew li l-Pulizija f’Malta tibda tagħmel xi ħaġa”, qal Giegold.

Qal illi hemm bżonn li l-MFSA tieħu azzjoni fil-konfront ta’ Nexia BT u Pilatus Bank. Giegold insista li Konrad Mizzi, Keith Schembri u Brian Tonna għandhom jidhru quddiem il-Kumitat PANA.

L-MEP Malti David Casa qal illi l-elezzjoni mhux se taħfer id-dnubiet li saru fil-leġislatura l-oħra. Issa, Joseph Muscat għandu għażla quddiemu – jew jirranġa dan l-iżball, jew jitniżżel bħala l-aktar Prim Ministru korrot fl-istorja.

Werner Langen, iċ-chairman tal-Kumitat PANA, qal illi huwa dispjaċut li Muscat reġa’ poġġa’ lil Konrad Mizzi fil-Kabinett tiegħu. U fakkar li Keith Schembri injora għal kollox id-domandi tal-Kumitat PANA meta dan kien f’Malta.
“Tista’ tidħak kemm trid, imma jekk mhu se tagħmel xejn se nispiċċaw aħna nidħku bikom”, insista Langen meta indirizza b’mod dirett lill-Prim Ministru Joseph Muscat.

L-MEP laburista Miriam Dalli qalet li l-allegazzjonijiet li qed isiru fil-Panama Papers huma bla bażi.

L-MEP laburista Alfred Sant faħħar it-tmexxija ta’ Joseph Muscat. Iżda pront qam deputat Ewropew ieħor illi fakkar lil Sant kif kien hu stess ftit tax-xhur ilu li insista għar-riżenja ta’ Konrad Mizzi.

Marlene Mizzi insistiet illi ma kienx hemm bzonn ghal din id-diskussjoni fil-Parlament Ewropew.

Bħalissa Joseph Muscat għandu f’idejh il-Presidenza tal-Kunsill tal-UE.