Futbol Sport

Bħal-lum sena tibda t-Tazza tad-Dinja fir-Russja

Eżattament bħal-lum sena tibda t-Tazza tad-Dinja fir-Russja. F’din l-edizzjoni se jkunu qed jieħdu sehem 32 tim u s’issa diġà nafu tlieta minnhom. Dan wara li aktar kmieni matul din il-ġimgħa l-Iran ingħaqdu flimkien mal-Brażil u mar-Russja bħala wieħed mit-timijiet parteċipanti.

Ta’ min jiftakar li fl-aħħar snin kien hemm kontroversji kbar dwar il-fatt li r-Russja (flimkien mal-Qatar) ingħataw id-dritt li jorganizzaw l-edizzjoni tal-2018 u tal-2022. Sa minn dakinhar ‘l hawn l-eks President tal-FIFA Sepp Blatter kien ġie sospiż minħabba korruzzjoni u llum-il ġurnata minfloku hemm Gianni Infantino.

Nhar is-Sibt li ġej se nibdew induqu ftit partiti mir-Russja hekk kif bħal ma jsir dejjem, issir it-Tazza tal-Konfederazzjonijiet, kompetizzjoni bejn tmien nazzjonijiet li ssir sena qabel kull edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja.

Din issir fl-istess pajjiż li jkun se jorganizza t-Tazza tad-Dinja. Ir-Russi ikkwalifikaw b’mod awtomatiku għat-Tazza tad-Dinja bħala l-pajjiż organizzatur filwaqt li l-Brażil, wara d-disfatta fl-2014 mal-ewwel aċċertaw minn post fil-fażi finali taħt il-kowċ il-ġdid Tite.

Tliet snin ilu kienu l-Ġermanja li rebħu t-Tazza tad-Dinja u kemm dawn kif ukoll l-Italja u l-Ingilterra qegħdin b’ċans tajjeb li jikkwalifikaw għall-fażi finali.

Ta’ min jinnota li fit-Tazza tad-Dinja ta’ sena oħra l-partiti kolhha se jibdew ikunu fil-5pm u fit-8pm ħin ta’ Malta.