Nhar l-Erbgħa, fl-Eden Super Bowl f’San Ġiljan ngħata bidu għall-Malta Open, kompetizzjoni li fiha qed jieħdu sehem bowlers li ġejjin minn 15-il pajjiż u li tintemm nhar il-Ħadd li ġej.
F’dan il-Kampjonat mifrux fuq ħamest ijiem qed jikkompetu 100 bowler li qegħdin biċ-ċans li jirbħu €10,000 flimkien ma’ vouchers mogħtija minn Casino Malta li jammontaw ukoll għal €10,000.
Il-parteċipanti tal-Malta Open ta’ din is-sena ġejjin mill-Ingilterra, mill-Iżvezja, mill-Irlanda, mill-Belġju, mid-Danimarka, minn Franza, minn Norveġja, mill-Iżrael, mill-Italja, mill-Ġappun, mill-Litwanja, mill-Olanda, mill-Iżvizzera, minn Wales u ovvjament minn Malta.
Il-format ta’ dan it-tournament beda permezz ta’ rawnd ta’ kwalifikazzjoni kompost minn 12-il partita, fejn 36 bowler se jkunu qed jikkwalifikaw għall-istadji finali. L-aħħar erba’ stadji finali se jintlagħbu nhar il-Ħadd waranofsinhar u se jkunu qed jiddeterminaw min se jkunu ż-żewġ bowlers li se jkunu qed jikkontestaw bejniethom il-finali ta’ dakinhar stess.
Aktar informazzjoni dwar din il-kompetizzjoni tinstab fuq is-sit www.edensuperbowl.com.
//= $special ?>