Lokali Qorti

Ex-impjegati tal-KFC kundannati sitt snin ħabs u mmultati €50,000 bejniethom fuq serq mill-istabbiliment tal-ikel

Żewġ ex-impjegati tal-kumpanija KFC kienu kundannati ħabs u multa wara li nstabu ħatja ta’ ħasil tal-flus u serq mill-istess kumpanija.

Brian Buttigieg kien kundannat erba’ snin ħabs u mmultat €30,000 waqt li Joanne Cutajar kienet kundannata sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u mmultata E20,000.

Minn xhieda fil-qorti rriżulta li Buttigieg kien jaħdem bħala manager fil-KFC tal-Gżira u ma kinx jagħti irċevuti lill-klijenti waqt li kien juża l-cash register għal transazzjonijiet qarrieqa billi ma jirreġistrax il-bejgħ li jkun sar.

Minn Ġunju 2011 Buttigieg kien ħa b’kollox madwar €60,000 iżda b’kollox, minn Mejju 2009, hu ħa madwar €160,000. Kien stabbilit ukoll li Joanne Cutajar ħadet madwar €12,000.

Irriżulta li mal-managment Buttigieg ammetta l-frodi li wettaq u offra li jrodd lura €25,000. Din is-somma ma kinitx aċċettata mill-managment għaliex kienet ftit wisq ħdejn il-flus misruqa. Meta Buttigieg twaqqaf, il-bejgħ mill-istabbiliment tal-ikel żdied b’€5000 fix-xahar.

Joanne Cutajar qalet li kienet qed toħroġ ma’ Buttigieg u kien qallha b’dak li kien qed jagħmel u li kien itiha bejn €300 u €1000 biex tiddepożithom fil-kont tagħha. Buttigieg ma kinx qallha minn fejn ġab il-flus. Għalhekk, wara li nstabu ħatja, l-koppja kienu kundannati sitt snin ħabs bejniethom u multa ta’ €50,000.