Eżerċizzju ta’ ħatriet immirat biex jippremja lil tal-qalba
Il-ġurnal in-Nazzjon illum żvela li huwa imminenti li jinħatru disa’ jew għaxar assistenti kummissarji ġodda fil-Korp tal-Pulizija.
In-Nazzjon jirraporta li Michael Farrugia, il-Ministru l-ġdid għall-Intern, b’kull intenzjoni tajba li jista’ jkollu li jipprova jiġbor mill-ġdid lill-Korp tal-Pulizija, hu mdawwar minn għadd ta’ persuni li ftit se jagħtuh iċ-ċans li jwettaq id-doveri tiegħu skont il-ġurament tal-ħatra.

Mhux biss se jkollu jfixkluh elementi minn Kastilja li se jagħmlu minn kollox biex lill-Korp tal-Pulizija jkomplu jmexxuh huma, iżda anki minn ħdan il-Korp tal-Pulizija stess se jsib elementi anzjani, u mhux daqstant, li mhux se jħalluh jippilota kif jixtieq.
Il-Ministru Michael Farrugia qajla għandu esperjenza dwar il-qasam tal-Intern, u l-ħatra tiegħu proprja fil-kariga ta’ Ministru tal-Intern hi deskritta bħala waħda maħsuba u preċiża biex Kastilja tibqa’ indirettament hi tmexxi lill-forzi tal-ordni f’pajjiżna.
Diġà rajna matul il-leġiżlatura li għadha kemm għaddiet kif Kastilja ippilotat direttament hi x’investigazzjonijiet isiru mill-Pulizija u x’investigazzjonijiet ikunu litteralment imwarrba u xkaffati minkejja kull ksur u abbuż tal-liġijiet ta’ pajjiżna.
Illum mhux il-waqt li nidħlu f’każijiet speċifiċi u nsemmu fuq xiex imbarkat u investigat il-Pulizija u fuq xiex ma kenitx ordnata tinvestiga. In-nies ġenwini madwar l-eks-Ministru Carmelo Abela jistqarru li huma ftit li xejn ingħataw iċ-ċans li jirriformaw lill-Korp tal-Pulizija u jagħtuh id-direzzjoni tas-serjetà u l-kredibbiltà. L-id kostanti ta’ Kastilja kienet għamlet monopolju sħiħ fuq it-Tmexxija tal-Pulizija bir-riżultat illum hu li għandna Korp tal-Pulizija litteralment qisu xi fergħa tal-Partit Laburista.

Lil hinn minn dan id-diskors huma wkoll il-prattiċi li qed ikunu segwiti fil-Korp tal-Pulizija fejn il-Pulizija Nazzjonalisti jew li ma jissimpatizzawx mal-Gvern Laburista, huma litteralment imwarrba u mogħtija l-ġenb, anki jekk huma serji u integri.
Kif ġara matul il-leġiżlatura li għaddiet, fil-Korp tal-Pulizija l-membri jistgħu jimxu ’l quddiem mhux skont kemm huma serji, professjonali u leali lejn il-ġurament lejn l-uniformi, iżda jekk humiex parti mill-familja ‘Tagħna Lkoll’.
U pass ieħor f’din id-direzzjoni mistenni li jsir f’dawn il-jiem meta se jinħatru disa’ / għaxar Assistenti Kummissarji ġodda wara li kienu vakati għadd ta’ postijiet f’dan il-grad.
Kollox jindika li fl-eżerċizzju biex intgħażlu l-Assistenti Kummissarji ġodda sar tbażwir kbir mill-awtoritajiet konċernati biex jassiguraw li jkunu promossi l-persuni indikati direttament minn Kastilja. Dan wassal mhux biss biex il-proċess tmexxa b’għadd ta’ żbalji ħoxnin, iżda fizzjali serji, dedikati u bravi litteralment twaħħlu mill-eżami u twaqqgħu lura biex żgur ma jkollhomx ċans li jimlew xi vakanza ta’ Assistent Kummissarji.
Il-ħatriet ta’ Assistenti Kummissarji mistennija jitħabbru f’dawn il-jiem u se jkunu ħolqa oħra fil-katina twila tal-mod abbużiv kif jingħataw il-promozzjonijiet fil-Korp tal-Pulizija taħt il-Gvern preżenti li jiġi l-ewwel biex jipprietka li “magħna jaħdem kulħadd”, iżda mbagħad il-verità hi ferm lil hinn minn dan id-diskors fieragħ.
Qed jissemma fost l-oħrajn Supretendent partikulari li mistenni jinħatar Assistent Kummissarju. Dwar din il-persuna partikulari nkiteb ħafna, iżda Kastilja tiġi taqa’ u tqum mill-korrettezza u din il-persuna mistennija li tingħata l-promozzjoni mingħajr ma jixirqilha.
Fil-fatt, f’dawn il-jiem stess din il-persuna nġabret mill-art f’post partikulari wara li kienet f’sakra ma tarax art. L-istess persuna kienet saħansitra liebsa l-uniformi tas-Servizz, iżda dwar dan kollu, la sar rapport u wisq inqas ittieħdu xi forma ta’ passi. Forsi dwar dan kollu l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar iwieġeb.
Bir-raġun kollu li l-Ministru Michael Farrugia, bejn il-ħbieb, wera d-diżappunt kbir tiegħu li bir-responsabbiltajiet li ngħata l-ġimgħa l-oħra fi ħdan il-Kabinet il-ġdid ta’ Joseph Muscat ingħata katz nobis… aktar u aktar meta hu ma jifhimx fl-Intern u aktar u aktar meta għalih dan hu għalkollox settur li qatt ma meragħ fih.
Min-naħa l-oħra, Carmelo Abela, anki jekk promoss bl-inkarigu ġdid li ngħata fi ħdan il-Kabinett ta’ Joseph Muscat, ukoll kien diżappuntat li ma kienx konfermat fit-tmun tal-Ministeru tal-Intern meta, skont hu, ix-xogħol l-iebes kien laħaq għamlu u issa kien se jkollu żminijiet aħjar.
Imma bir-raġun kollu l-Prim Ministru tajjar lil Carmelo Abela minn Ministru tal-Intern għaliex fi żmienu l-Korp tal-Pulizija kompla sejjer lura bħall-granċ u meta wieħed jipparaguna r-riżultat miksuba fi żmien l-eks-Ministru Manuel Mallia, ma jsib l-ebda tip ta’ progress.
Illum il-ġurnata hemm qbil totali li l-Korp tal-Pulizija tilef ħafna mir-rispett li kien igawdi fost in-nies u l-aħbar żvelata lbieraħ mill-ġurnal In-Nazzjon dwar transfers vendikatti fost il-membri, tkompli mhux biss tnaqqas il-motivazzjoni fost il-membri tal-istess Korp, iżda twassal ukoll biex tkompli tbiegħed lill-istess Korp tal-Pulizija min-nies li ġenwinament iridu jaraw mill-Korp tal-Pulizija tarka għad-drittijiet fundamentali tagħhom u li jassiguraw ukoll li l-liġijiet ikunu applikati għal kulħadd bl-istess mod.