Lokali

L-elezzjonijiet każwali għas-siġġijiet tal-PN se jsiru l-Erbgħa

Il-Kummissjoni Elettorali se tmexxi żewġ elezzjonijiet każwali fil-Ħdax-il distrett elettorali u elezzjoni każwali fl-Għaxar, fis-Seba’ u fit-Tlettax-il distrett elettorali ċeduti rispettivament minn Simon Busuttil, David Agius, Robert Arrigo, Beppe Fenech Adami u Marthese Portelli.

Fi stqarrija maħruġa llum, il-Kummissjoni Elettorali avżat li ser tirċievi nominazzjonijiet ta’ kandidati għall-elezzjoni każwali sabiex jimtlew dawn il-postijiet ta’ Membri Parlamentari.

Dawk il-kandidati li kkontestaw l-imsemmija distretti elettorali fl-Elezzjoni Ġenerali tat-3 ta’ Ġunju, 2017, u li ma ġewx eletti iżda għandhom il-kwalifiki meħtieġa biex jiġu eletti, jistgħu jippreżentaw in-nomina tagħhom kuljum mill-Ħamis 15 sat-Tnejn 19 ta’ Ġunju, 2017, fl-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali f’Evans Building, Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta, bejn id-9.00 am u s-1.00 pm.

Formoli tan-nomina jistgħu jinkisbu mill-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali. Il-Kummissjoni Elettorali tavża li l-għadd tal-voti ta’ dawn l-elezzjonijiet każwali se jsir nhar l-Erbgħa, l-21 ta’ Ġunju mit-8am ’l quddiem.