Lokali Unjoni Ewropea

MEP tal-Ħodor bi proċeduri dwar ksur ta’ regoli finanzjarji Ewropej

Il-Membru Parlamentari Ewropew tal-Ħodor Sven Giegold se jkun qed jingħaqad ma’ grupp ta’ MEPs oħrajn f’talba biex jinbdew proċeduri dwar ksur ta’ regoli kontra pajjiżna. Dan minħabba l-possibbiltà li Malta marret kontra d-Direttivi Ewropej kontra l-ħasil tal-flus u l-akkużi ta’ ksur tal-liġi dwar l-investimenti kapitali.

Ma’ The Malta Independent, Giegold qal li ma jistax jikkonferma jew jiċħad kwalunkwe allegazzjonijiet li ħarġu fil-beraħ fl-aħħar jiem. Madankollu, innota li l-proċess ta’ skrutinju (due diligence) f’każijiet relatati ma’ Keith Schembri, Konrad Mizzi u oħrajn ma sarx kif suppost.

Giegold kompla li l-akkużi ta’ tixħim mill-proċess tal-bejgħ tal-Passaporti huma serji ħafna u mhux aċċettabbli li r-rapporti telqu mill-FIAU u waqfu għal kollox f’ħoġor istituzzjonijiet oħrajn Maltin. Qal li ma jaqbilx li l-proċeduri ta’ prosekuzzjoni qatt ma nfetħu f’pajjiżna għax il-liġijiet iridu jkunu nfurzati.

L-MEP tal-Ħodor kompla li filwaqt li l-FIAU mxiet mal-Liġi Maltija bit-twettiq tar-rapport, ma jistax jingħad l-istess għall-mod kif aġixxiet il-Pulizija. U dan ikompli jħasseb lill-MEPs għax ma jsegwix in-normi tal-istituzzjonijiet Ewropej.

B’din it-talba, il-Kummissjoni Ewropea tintalab tieħu deċiżjoni u jekk tiddeċiedi kontra pajjiżna, inkunu obbligati nsegwu l-passi li tissuġġerielna. Sven Giegold spjega li jekk il-Kummissjoni Ewropea ma tieħux passi, il-kawża tista’ tittieħed saħansitra quddiem il-Qorti Ewropea.

L-MEP tal-Ħodor qal li dan hu proċess li jista’ jinbeda minn kulħadd u li hu personalment ġieli talab għal diversi pajjiżi oħrajn f’ċirkostanzi differenti.