Sport Sport Ieħor

MOTORSPORT – Vella u Galea mpenjati fl-Ingilterra

Tmiem il-ġimgħa li ġej se jkun wieħed impenjattiv għas-sewwieqa Maltin tal-Motorsport barra minn xtutna.
L-impenn jibda proprju l-Ħamis, meta s-sewwieqa, Rodren Vella u Bernard Galea (fir-ritratt), se jieħdu sehem f’tellieqa endurance ġewwa Brands Hatch, l-Ingilterra, li hi parti mill-kampjonat organizzat mis-750 Motors Club, tal-Ingilterra.

Grupp ta’ sewwieqa oħra se jmorru Sqallija fejn ser jipparteċipaw fit-tieni rawnd tal-Kampjonat Malti tat-Time Attack organizzat minn 360 Motorsport Club ta’ Malta, fl-Autodromo Concordia, f’Agrigento.
Peró, bla dubju ta’ xejn l-akbar attenzjoni ser tkun fuq il-benjamin Malti, Duncan Micallef, li żgur m’għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni.

Hu se jkun impenjat fit-tieni rawnd tal-ogħla klassi tal-Kampjonat tad-Drag Racing Ewropew organizzat mill-FIA ġewwa l-Arena ta’ Tierp, fl-Iżvezja. Micallef se jibda it-tieni rawnd fir-raba’ post tal-klassifika wara li fl-ewwel rawnd kellu xi diffikultajiet fil-kwalifikazzjoni iżda ma żbaljax meta bdew l-eliminazzjonijiet fejn saq kontra ċ-champion renjanti, Anita Makela tal-Finlandja.