Futbol Sport

PREMIERSHIP INGLIŻ 2017-18 – Iċ-champions Chelsea jibdew kontra Burnley

Iċ-champions tal-Ingilterra Chelsea se jibdew jiddefendu t-titlu li rebħu f’Mejju li għadda meta fit-12 ta’ Awwissu jilagħbu fi Stamford Bridge kontra Burnley. Dan sar magħruf hekk kif illum ittellgħu l-poloz tal-kampjonat għall-istaġun li ġej.

Fl-istaġun li għadda Chelsea, taħt it-tmexxija tal-manager il-ġdid Antonio Conte mhux biss rebħu l-kampjonat imma għamlu dan b’rekord ta’ rebħiet. Huma issa se jibdew bil-partita kontra Burnley, tim li fl-istaġun li għadda, fl-ewwel rawnd kienu rebħulu 3-0 u fit-tieni rawnd fi Frar ġew draw 1-1 kontrih.
Interessanti l-fatt se jkun li fit-tieni ġimgħa tal-kampjonat Chelsea jilagħbu barra minn darhom kontra Tottenham li issa ta’ min jiftakar se jkunu qed jilagħbu f’Wembley. Fl-istaġun li għadda Tottenham kellhom wirjiet mill-aqwa fejn temmew fit-tieni post grazzi anke għall-gowls tal-attakkant Harry Kane li spiċċa bħala l-aqwa skorer tal-kampjonat.

Tottenham se jibdew l-impenji tagħhom bil-logħba kontra t-tim rebbieħ ta’ The Championship, dak ta’ Newcastle. Dawn tal-aħħar qegħdin taħt it-tmexxija tal-eksmanager ta’ Liverpool Rafa Benitez.
Dan l-istaġun issa Chelsea mhux biss se jkunu mpenjati fil-kampjonat imma issa anke fiċ-Champions League u wieħed irid jara kif se jkampaw b’partiti f’żewġ kompetizzjonijiet.

Fl-ewwel partita tal-kampjonat jispikka l-konfront bejn Arsenal u Leicester City. Wara li dawn tal-aħħar kienu rebħu l-kampjonat tas-sena ta’ qabel, huma ma rrepetewx il-wirjiet li kellhom taħt il-kowċ Ranieri u ddiżappuntaw bil-kbir biex spiċċaw fit-12-il post.

Dan l-istaġun l-attenzjoni kollha se tkun fuq il-manager ta’ Arsenal Arsene Wenger li minkejja li kritika kollha li rċieva rebaħ l-FA Cup u salva postu hekk kif id-diriġenti offrewlu kuntratt ġdid.
Manchester City, li dan l-istaġun jittamaw li jmorru aħjar fit-tieni staġun tagħhom taħt it-tmexxija tal-manager Pep Guardiola jibdew barra minn dawhom kontra Brighton and Hove Albion, wieħed mit-timijiet neo-promossi.

Liverpool, wara li fl-istaġun li għadda spiċċaw fir-raba’ post issa jibdew kontra Watford filwaqt li Manchester United jibdew f’Old Trafford kontra West Ham Utd. Ta’ min jiftakar li minkejja li r-Red Devils spiċċaw fis-sitt post dan l-istaġun se jkunu impenjati kemm fil-kampjonat u anke fiċ-Champions League minħabba li rebħu l-Europa League.

Il-kampjonat jintemm fit-13 ta’ Mejju, ġimgħa qabel ma spiċċa fl-istaġun li għadda. Dan minħabba l-fatt li fl-14 ta’ Ġunju jingħata bidu għat-Tazza tad-Dinja fir-Russja.

L-ewwel ġurnata
Arsenal v Leicester City
Brighton and Hove Albion v Manchester City
Chelsea v Burnley
Crystal Palace v Huddersfield Town
Everton v Stoke City
Manchester United v West Ham United
Newcastle United v Tottenham Hotspur
Southampton v Swansea City
Watford v Liverpool
West Bromwich Albion v Bournemouth