Internazzjonali

7 mejta u għexieren midruba fi splużjoni ġo nursery fiċ-Ċina

Splużjoni li għadha kemm seħħet fl-inħawi ta’ nursery fiż-żona ta’ Fengxian ħalliet talanqas seba’ mejtin u għexieren ta’ midruba.

Ir-rapporti mill-provinċja ta’ Jiangsu qalu li l-isplużjoni seħħet barra l-kumpless tal-kindergarten, waqt li ma żvelawx in-numru tat-tfal fost il-vittmi.

Il-kaġun tal-isplużjoni ma ngħatax, bit-traġedja sseħħ f’ħin meta l-ġenituri kienu qegħdin jiġbru lil uliedhom ċkejknin min-nursery.

Numru ta’ ritratti li bdew jiċċirkolaw fuq il-media soċjali wrew numru ta’ adulti mċappsin bid-demm u xi tfal mimdudin mal-art, fost ix-xeni tal-paniku sussegwenti.

L-ewwel rapporti qalu li żewġ persuni tilfu ħajjithom ‘minnufih’ fl-isplużjoni u li ħamsa oħra mietu mill-ġrieħi li ġarrbu. Dan meta, almenu, disa’ mill-midruba kienu rappurtati f’kundizzjoni serja.

Sadanittant ,il-Pulizija ta’ Fengxian, tinsab għaddejja bl-investigazzjonijiet relatati.