Lokali

Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca tisħaq dwar l-importanza tan-nisa fid-dinja tax-xogħol waqt summit f’Ġinevra

Hekk kif il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca indirizzat summit dwar id-dinja tax-xogħol f’Ġinevra, bit-tema futur aħjar għan-nisa fid-dinja tax-xogħol, hija saħqet li l-parteċipazzjoni tan-nisa f’kull livell tas-soċjetà huwa għan importanti u kwistjoni li tilħaq id-dritt fundamentali tal-bniedem. Il-President ta’ Malta insistiet li dan is-summit jgħin lil kulħadd sabiex iżommu fuq il-mira tal-Agenda 2030 tal-Ġnus Magħquda, bit-tama li jiġu implimentati żviluppi sostenibbli f’dan il-qasam.

President Coleiro Preca insistiet li l-edukazzjni hija essenzjali sabiex l-faqar u l-prekarjat jinqered darba għal dejjem mis-soċjetà, filwaqt li l-opportunitajiet li għad iridu jinħolqu għandhom ikunu intrinsiċi sabiex jiġu mbuttati aktar ‘il quddiem tfajliet u nisa, hekk kif inhu wkoll dritt tagħhom, kif ukoll bla dubju jigwadanjaw minn din l-istrateġija globali s-soċjetajiet tagħna.

Hija sostniet li hija ta’ importanza kbira sabiex il-pajjiżi jimxu id f’id sabiex verament issir differenza tanġibli f’ħajjet id-dinja femminili. Il-President ta’ Malta temmet tgħid li dan huwa ż-żmien tal-prova fejn l-gvernijiet għandhom jingħaqdu u jieħdu azzjoni.