Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, ħarġet direttiva biex issir inkjesta pubblika sħiħa dar in-nirien li qerdu blokk kbir ta’ appartamenti f’Londra, fejn mietu 17-il persuna waqt li rriżultaw għexieren ta’ midruba. Dan waqt li kien stabbilit li n-nar beda minn fridge ta’ taxi driver li jgħix fir-raba’ sular.
Iċ-ċifra tal-vittmi għandha tiżdied meta l-kapijiet tal-iskwadri għall-emerġenza mhumiex jistennew li jsibu aktar ħajjin fis-sit tal-bini, li kien jismu Grenfell Tower u li jinsab lejn it-Tramuntana ta’ Kensington.
Għad fadal in-nies qegħdin jistennew l-aħbar dwar il-qraba u ħbieb li kienu residenti fil-bini ‘u li ma dehrux aktar wara n-nirien’.
Sadanittant, il-Prim Ministru May, li żaret is-sit tat-traġedja, qalet li n-nies għandhom kull dritt li jingħataw tweġiba dwar l-inċident fatali ‘u b’mod partikulari dwar ir-raġuni għalfejn il-fjammi setgħu jaħkmu lill-bini f’daqshekk qasir żmien’. Theresa May hi fiduċjuża li l-inkjesta pubblika għandha tipprovdi t-tweġibiet importanti waqt li stqarret li s-servizzi għall-emerġenza ma jistgħux jispjegaw ‘il-firxa mgħaġġla tal-fjammi fil-bini’ li ma kenitx mistennija.
S’issa madwar 30 midruba ( min-nirien) għadhom qed jingħataw il-kura fl-isptar, meta talanqas 17 minnhom kienu qegħdin f’kundizzjoni kritika.
Ir-Reġina Eliżabetta tal-Ingilterra bagħtet messaġġ ta’ niket u solidarjetà lill-familji li ntlaqtu mit-traġedja u qalet li huma ‘jinsabu fi ħsibijietha’.
Fil-ħin meta qabdu n-nirien kien hemm il-mijiet ta’ nies ġewwa l-bini, li ħafna minnhom kienu reqdin. Il-parti kbira tar-residenti laħqu qamu u ma tilfux iż-żmien biex jaħarbu mill-bini, waqt li l-iskwadri għall-emerġenza rnexxielhom isalvaw madwar 70 persuna, inklużi tfal.
Residenti oħra fl-istess bini ma kienux daqstant ixxurtjati u spiċċaw iżolati f’sezzjonijiet tal-blokk li nħakmu mill-fjammi u d-dħaħen kbar.
L-awtoritajiet, sadanittant, qalu li l-qerda assoluta li ħallew in-nirien għandha tikkumplika t-tfittxija għall-katavri li jista’ għad fadal fil-bini.
Il-Fire Commissioner ta’ Londra, Dany Cotton , qalet li l-iskwadri tagħha kienu identifikaw ‘ammont ta’ mejtin’ waqt li ‘jafu li se jkun hemm aktar’. L-iskwadri anki qegħdin jużaw il-klieb imħarrġa fit-tfittxija għall-provi waqt li kompliet il-ħidma għall-identifikazzjoni tan-nies, qalb il-fdalijiet tal-Grenfell Tower.
//= $special ?>