Futbol Sport

Kollox lest għall-bidu tat-Tazza tal-Konfederazzjonijiet fir-Russja

Is-Sibt jingħata bidu għall-10 edizzjoni tat-Tazza tal-Konfederazzjonijiet li se ssir fir-Russja. Dan it-turnament isir dejjem sena qabel it-Tazza tad-Dinja u l-pajjiż li jkun se jorganizza t-Tazza tad-Dinja jorganizza anke din il-kompetizzjoni li fiha jieħdu sehem tmien timijiet.
Il-partiti se jintlagħbu b’erba’ grawnds f’erbat ibliet. Fil-fażi tal-gruppi kull tim jilgħab tliet partiti u t-tim li jirbaħ il-grupp u dak li jispiċċa t-tieni jgħaddu għall-fażi tan-knockout. Huma jippruvaw jagħmluha sal-finali tat-2 ta’ Lulju.

Il-holders ta’ din it-tazza, l-Brażil naqqsu milli jikkwalifikaw għal dan it-turnament wara li sfaw eliminati mill-Copa America u b’hekk se jkollna champion ġdid. Ta’ min jinnota li kemm f’din il-kompetizzjoni kif ukoll fit-Tazza tad-Dinja ta’ sena oħra l-partiti kolhha se jibdew ikunu fil-5pm u fit-8pm ħin ta’ Malta.
Dan l-artiklu se jagħti ħarsa lejn it-tmien timijiet li se jkunu qed jikkompetu fir-Russja.

Ġermanja: Il-Ġermaniżi kisbu d-dritt li jilagħbu f’din il-kompetizzjoni wara li fl-2014 rebħu t-Tazza tad-Dinja li saret fil-Brażil. Fil-finali huma kienu għelbu lill-Arġentina 1-0 wara l-ħin barrani. Din se tkun it-tielet darba li dawn se jkunu qed jieħdu sehem fit-Tazza tal-Konfederazzjonijiet.

Russja: Ir-Russi se jkunu qed jieħdu sehem fit-Tazza tal-Konfederazzjonijiet bħala l-pajjiż organizzatur.

Awstralja: L-Awstraljani se jkunu qed jieħdu sehem fit-Tazza tal-Konfederazzjonijiet wara li fl-2015 ġew dikjarati champions tal-Asja. Fil-finali huma kienu għelbu lill-Korea t’Isfel 2-1 wara l-ħin barrani. Din se tkun ir-raba’ darba li dawn se jkunu qed jieħdu sehem fit-Tazza tal-Konfederazzjonijiet.

Ċili: Iċ-Ċili ikkwalifikaw biex jieħdu sehem fit-Tazza tal-Konfederazzjonijiet wara li fl-2015 rebħu l-Copa America. Fil-finali huma kienu ħarġu rebbieħa bil-penalties kontra l-Arġentina bi skor ta’ 4-1. Din kienet l-ewwel darba fl-istorja tagħhom li rebħu dan it-titlu u ta’ min jinnota li sena ilu reġgħu rebħu l-istess kompetizzjoni billi reġgħu għelbu lill-istess Arġentina. Huma se jkunu qed jagħmlu d-debutt tagħhom fit-Tazza tal-Konfederazzjonijiet.

Messiku: Il-Messikani se jkunu l-aktar tim mit-tmienja li se jikkompetu li għandhom esperjenza fit-Tazza tal-Konfederazzjonijiet. Huma se jkunu qed jikkompetu fiha għas-seba’ darba wara li fl-2015 rebħu l-ewwel edizzjoni tal-CONCACAF Cup. Fil-finali għelbu lill-Istati Uniti bi skor ta’ 3-2 wara l-ħin barrani.

New Zealand: New Zealand kisbu d-dritt li jilagħbu fit-Tazza tal-Konfederazzjonijiet wara li sena ilu rebħu l-OFC Nations Cup, it-tazza għat-timijiet tal-Oceania. Fil-finali huma kienu għelbu lil Papua New Guinea 4-2 bil-penalties wara li l-konfront kienet intemm fi draw ta’ mingħajr gowls. Din se tkun ir-raba’ darba li dawn se jkunu qed jieħdu sehem fit-Tazza tal-Konfederazzjonijiet.

Portugall: Il-Portugiżi se jkunu qed jagħmlu d-debutt tagħhom fit-Tazza tal-Konfederazzjonijiet wara li sena ilu ġew dikjarati champions tal-Ewropa meta fi Franza stess għelbu lil Franza 1-0 wara l-ħin barrani fil-finali tal-Euro 2016.

Kamerun: Il-Kamerun kienu l-aħħar tim li ikkwalifika biex jieħu sehem fit-Tazza tal-Konfederazzjonijiet. Dan wara li fi Frar li għadda ġew inkuruati champions tal-Afrika meta fil-finali rebħu 2-1 kontra l-Eġittu. Din se tkun it-tielet darba li dawn se jkunu qed jieħdu sehem fit-Tazza tal-Konfederazzjonijiet.