Lokali Qorti

L-avukat tal-PL ma jridx li Simon Busuttil jitla’ jixhed

Minkejja diversi mistoqsijiet dwar il-ftehim bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Demokratiku, l-Avukat tal-Partit Laburista Pawlu Lia ma laqax suġġeriment biex il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil jixhed dwar dan il-ftehim. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien preżenti fl-awla.

Hu esprima din il-pożizzjoni meta llum kompla s-smigħ tal-kawża li l-Partit Laburista qed jagħmel kontra l-Kummissjoni Elettorali dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti żewġ siġġijiet oħra lill-Partit Nazzjonalista ħalli l-ammont ta’ Deputati jirrifletti d-distakk bejn iż-żewġ partiti.

Fil-bidu tas-seduta xehed is-Segretarju tal-Kummissjoni Elettorali George Saliba, li qal li ma teżisti l-ebda lista ta’ Kandidati tal-Partit Demokratiku u li l-Kummissjoni Elettorali ma talbitx lill-Partit Demokratiku biex jinnomina Aġenti u Kummissjonarji fiċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti.

Dan filwaqt li l-Partit Demokratiku ma kienx ikun imsejjaħ fil-laqgħat fir-Residenzi tal-Anzjani u l-AD kienu jkunu msejjħa.

Joe Zammit Maempel, wieħed mill-Kummissarji Elettorali, xehed li Marlene Farrugia riedet li ħdejn isimha jkun hemm miktub “Tal-Oranġjo” bħala laqam. Min-naħa tagħha, is-Segretarju Ġenerali Rosette Thake, ippreżentat il-ftehim bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Demokratiku, kif diskuss bejn Simon Busuttil u Marlene Farrugia.

Rosette Thake qalet li Marlene Farrugia kienet tesserata fil-Partit Nazzjonalista, iżda llum m’għadhiex, kif ukoll li persuna tista’ tkun Kandidat tal-Partit Nazzjonalista jekk tkun tesserata.

Sostniet li l-Kandidati kienu approvati mill-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, filwaqt li l-Kap tal-Partit ingħata l-awtorità li japprova Kandidati oħrajn hu. Rosette Thake qalet li l-Kandidati kollha kienu Kandidati tal-Partit Nazzjonalista u li l-ftehim bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Demokratiku jibqa’ fis-seħħ anke wara r-riżultat elettorali.

Xehed ukoll l-eks Viċi Kap tal-Partit Demokratiku Anthony Buttigieg, li qal li l-iskop tal-ftehim kien li l-Partit Demokratiku u l-Partit Nazzjonalista jingħaqdu flimkien f’Forza Nazzjonali.

Hu kkonferma li l-Kandidati tal-Partit Demokratiku kienu wkoll Kandidati tal-Partit Nazzjonalista, kif ukoll li l-Partit Nazzjonalista seta’ jagħmel l-iskrutinju kif meħtieġ. Kompla li rriżenja mill-Partit Demokratiku għax ma eskludiex li Marlene Farrugia tikkontesta mal-Partit Nazzjonalista u ż-żewġ partiti jamalgamaw formalment.

Fil-kawża xehdet ukoll Marlene Farrugia, li qalet li fl-1998 kienet ħallset it-tessera għal għomorha fil-Partit Nazzjonalista u li llum hi Deputat tal-Partit Nazzjonalista. Spjegat li rriżenjat mill-Partit Laburista minħabba l-iskandli tal-korruzzjoni u ta’ nuqqas governanza tajba, kif ukoll li t-tessera tal-Partit Laburista kienet tħallsitilha minn xi ħadd.

Marlene Farrugia qalet li l-Partit Demokratiku hu partit reġistrat u hi l-Kap tiegħu, kif ukoll li l-Kandidati kollha tal-Partit Demokratiku kienu fuq il-lista tal-Partit Nazzjonalista u bl-emblema tal-Partit Nazzjonalista ħdejhom. Sostniet li anke fl-aħħar leġislatura, hi kienet suġġett għad-dixxiplina tal-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista.

Joseph Church il-kummissjonarju elettorali ewlieni xehed illi sal-mument meta ngħalaq ir-riżultat elettorali, il-kummissjoni elettorali ma kienitx irċeviet protest dwar ir-riżultat elettorali u għalhekk kien konfermat mill-kummissjoni elettorali kollha.