Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, qed ikun investigat għal aġir fejn hu, allegatament, seta tellef jew ‘għamel l-intoppi’ lill-ġustizzja.
Ir-rapporti qalu li uffiċjali ewlenin tas-servizzi sigrieti qegħdin iwieġbu mistoqsijiet dwar jekk Trump ippruvax itemm inkjesta dwar Michael Flynn, li kien tkeċċa minn konsulent dwar is-sigurtà nazzjonali u dwar it-tkeċċija tal-eks Kap tal-FBI, James Comey.
Robert Mueller, bħala l-avukat speċjali, qed imexxi investigazzjoni tal-FBI dwar jekk ir-Russja indaħlitx fl-aħħar elezzjoni għall-Presidenza tal-Istati Uniti li ntrebħet minn Donald Trump — bil-President Amerikan attwali kemm il-darba jiċħad dwar ‘dan l-istil ta’ kooperazzjoni ma’ Moska’.
Il-gazzetta Washington Post intant qalet li d-deċiżjoni ta’ Mueller biex jinvestiga l-allegata imġieba ‘skorretta’ ta’ Trump qed titqies bħala żblokk importanti fl-investigazzjoni, li, qabel, ikkonċentrat ‘biss’ fuq l-aġir tar-Russja.
L-aħħar rapporti qalu li l-investigazzjoni dwar ‘l-intoppi lill-ġustizzja’ bdiet jiem biss wara li l-President Trump kien keċċa lil James Comey (fid-9 ta’ Mejju).
Comey, li kien qed imexxi waħda mill-investigazzjonijiet dwar ‘is-sehem tar-Russja fl-elezzjoni Amerikana’, jiem ilu xehed quddiem il-Kungress fejn qal li l-President Trump kien għamel il-pressjoni fuqu biex iwarrab l-investigazzjoni dwar Michael Flynn. Dan wara li Flynn kien tkeċċa, fi Frar, meta ma żvelax il-livell tal-kuntatti li kellu ma’ Sergei Kislyak, l-Ambaxxatur Russu għal Washington.
//= $special ?>