Internazzjonali

Is-Somalja: Massakru mill-militanti ta’ al-Shabab f’Mogadishu

 

Inqatlu talanqas 20 persuna waqt sparatura u splużjoni minn aggressur suwiċida li kienu diretti fuq lukanda u ristorant fil-kapitali Somala, Mogadishu.

L-attakki simultanji mill-milianti tal-grupp al-Shabab seħħew waqt li l-Musulmani kienu qed jiksru l-perjodu tas-sawm waqt ir-Ramadan — bil-militanti jimmiraw b’mod partikulari għar-ristorant Pizza House, li hu popolari ħafna mas-Somali żgħażagħ.

Ir-rapporti qalu wkoll li l-militanti żammew numru ta’ ostaġġi waqt battalja twila mal-pulizija li maż-żmien kienet ‘konkluża’.

Intant, l-al-Shabab – li hu affiljat mal-moviment Al-Qaeda – ammetta responsabbiltà għall-attakki permezz ta’ stqarrija.

Fl-ewwel fażi tal-attakk, karozza mimlija bl-isplussivi baqgħet dieħla għal ġo lukanda viċin ir-ristorant, qabel numru ta’ militanti armati daħlu fil-Pizza House u ħatfu lill-ostaġġi.

L-isparaturi f’din iz-zona damu għaddejjin is-sigħat u sakemm is-sitwazzjoni kienet imfissra bħala ‘kalma’. Dan wara li l-pulizija Somala assedjaw il-bini tar-ristorant u kkonfrontaw lit-terroristi li wħud kienu lebsin l-uniformijiet tal-qawwiet għaż-żamma tal-liġi.

Ħafna bnadi tas-Somalja għadhom taħt il-kontroll tal-al-Shabab, li l-militanti tiegħu, fl-aħħar xhur , wettqu sensiela ta’ attakki qattiela f’Mogadishu u reġjoni oħra tal-pajjiż li huma amministrati mill-Gvern.