Sport Sport Ieħor

SUBBUTEO – Samuel Bartolo champion ta’ Malta

Il-kampjonat tas-Subbuteo li kien organizzat mill-Malta Table Football Sports Association (MTFSA), ġie fi tmiemu u bħal ma kien f’dawn l-aħħar snin, reġgħet kienet sena mimlija kompetizzjonijiet.

Fl-ogħla diviżjoni, il-kampjonat Premier, kien hemm taqtigħa bejn Massimo Cremona u Samuel Bartolo, b’dan tal-aħħar jirbaħ iż-żewġ konfronti diretti biex b’hekk ġie nkurunat champion ta’Malta.
Dan kien il-ħames kampjonat li rebaħ Samuel Bartolo f’dawn l-aħħar sitt snin. Fit-tielet post spiċċa Derek Conti li kien segwit minn Angelo Borg u Hansel Mallia.

Kien kampjonat kumbattut u b’ħafna logħob interessanti, fejn it-12-il-plejer involuti laghbu fuq żewġ rawnds.
Il-kampjonat tal-ewwel diviżjoni kien dominat minn Josef Camilleri, li baqa’ bla telfa tul il-kampjonat kollu. B’hekk Camilleri reġa’ ġie promoss għall-ogħla diviżjoni u miegħu ġew promossi wkoll Melvin Barun u Jamie Bonnici, li spiċċaw fit-tieni u t-tielet post rispettivament.

Fit-Tieni diviżjoni kien Mario Camilleri li rebaħ u Joseph Mifsud spiċċa fit-tieni post.
Fit-tieni l-akbar kompetizzjoni tal-istaġun, li kienet in-Knock Out, kien Massimo Cremona li ħareġ rebbieħ wara li gheleb lil Mario Camilleri 2-1. Is-semifinalisti kienu Charles Aquilina u Samuel Bartolo.
Fil-kompetizzjonijiet nazzjonali tal-kategoriji, kellna rispons tajjeb ħafna fil-kompetizzjoni tal-veterani, fejn fiha ħareġ rebbieħ Adrian Bonnici wara li fil-finali għeleb lil Jason Pisani 2-1 fil-ħin barrani. Is-semifinalisti kienu Massimo Cremona u Charles Aqulina.

Fil-logħob tal-kategorija ta’ taħt id-19-il-sena, reġa’ kien Melvin Barun li ħareġ rebbieħ ghat-tieni sena konsekuttiva meta għeleb lil Jurgen Balzan bl-skor ta’ 3-1.
B’hekk, wara li spiċċaw il-kompetizzjonijiet kollha, issa saru magħrufa min huma dawk il-plejers li se jikkompetu individwalment fit-Tazza tad-Dinja ta’ din is-sena organizzata mill-FISTF li se ssir f’Elancourt fi Franza f’Settembru li ġej.

Fil-kompetizzjoni Open se jkollna lil Samuel Bartolo u Massimo Cremona u f’dik veterani lil Adrian Bonnici u Jason Pisani u f’ta taħt id-19-il-sena lil Melvin Barun u Jurgen Balzan.