Futbol Sport

Zidane b’possibbiltà li jmexxi lil Franza

Il-President tal-Federazzjoni tal-Futbol fi Franza Noel Le Graet m’għandu l-ebda dubju li fil-futur il-kowċ attwali ta’ Real Madrid Zinedine Zidane se jkun dak li jmexxi lit-tim nazzjonali Franċiż.

Sa minn meta Zidane rtira mill-futbol dan beda jmexxi lil Real Madrid u f’dawn l-aħħar sentejn rebaħ il-kampjonat Spanjol u darbtejn iċ-Champions League.

Hu għen lill-Merengues, isiru l-ewwel tim sa mill-1990 li rebaħ iċ-Champions League darbtejn wara xulxin. Minkejja li Zidane minn dejjem stqarr li jinsab kuntent ma’ Real u mhux qed jippjana li jħalli ċ-champions Ewropej, żgur li ċ-ċans li jmexxi lit-tim ta’ pajjiżu jkun wieħed interessanti għalih.

“Hi xi ħaġa loġika li wieħed jimmagina lil Zidane bħala kowċ ta’ Franza u żgur li jkun għażla ideali,” qal Le Graet.
“Dak li qed jagħmel ma’ Real hu impressjonanti. Sa tliet snin ilu kelli diskursata miegħu u kont tajtu parir jibda jmexxi lil tim bħal ma hu dak ta’ Bordeaux u qatt ma kont nimmaġina li kien diġà lest imexxi tim tal-livell ta’ Real, kompla jgħid Le Graet.

Meta kien plejer Zidane għen lil Franza tirbaħ it-Tazza tad-Dinja fl-1998 u l-Kampjonat Ewropew sentejn wara.