Fl-aħħar 24 siegħa ġie arrestat id-disa’ persuna li qed jiġi investigat mill-Pulizija Taljana fl-operazzjoni imsejjħa “Good Fellas”. Ir-raġel arrestat jismu Giuseppe Arcaria, li għandu 48 sena – magħruf għall-mod li bih kien keċċa il-grupp ta’ Cosa Nostra minn Leonforte, raħal fiċ-ċentru ta’ Sqallija qrib Enna.
L-arrest ta’ dan il-boss mafjuż seħħ ilbieraħ filgħodu fl-ajruport ta’ Katanja. Arcaria kien għadu kif jasal fi Sqallija wara titjira minn Malta. Jidher li l-boss mafjuż kien ilu numru ta’ ġranet f’Malta, dan dejjem skont ir-rapporti dettaljati li ħerġin fil-media Taljana. Mhux magħruf eżatt ir-raġuni wara dawn il-movimenti f’pajjiżna.
Kienu l-Mobile Squad ta’ Sqallija u l-Pulizija tal-Fruntiera li arrestaw lil Giuseppe Arcaria malli dan niżel fl-ajruport ta’ Fontanarossa.
Jirriżulta li Arcaria u l-clan tiegħu kienu jikkontrollaw it-territorju ta’ Leonforte u Aġira. Dawn il-mafjużi kienu kontinwament qed jagħmlu pressjoni fuq in-nies tal-ħwienet f’din iz-zona u persuni fil-business billi jitolbuhom flus fuq il-bejgħ u l-attivita’ kummerċjali tagħhom. Min ma jobdix dawn ir-“regoli” kien jispiċċa b’theddid fuq familtu jew vendikazzjonijiet diretti.
Il-Pulizija fi Sqallija diġa’ arrestat numru ta’ mafjużi oħra li huma relatati ma’ din il-ħidma ta’ Arcaria. Dawn huma Salvatore Seminara, Natale Cammarata, Walter Frasconà, Salvatore Oglialoro, Antonino Scaminaci, Angelo La Ferrara, Antonino Lambusa u Alessandro Trovato. Skont l-investigaturi, Arcaria huwa l-kap ta’ dan il-clan f’Leonforte wara li sentejn ilu kien inqatel il-boss Salvatore Cutrona.