Cyrus Engerer u l-Partit Laburista ħadu falza stikka kbira meta pruvaw ibellgħu ‘scoop’ lil min isegwihom dwar il-provi li għandha quddiema l-Qorti b’rabta mal-ħasil ta’ flus u korruzzjoni miċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.
Is-silta mill-email li qed ‘jiżvelaw’ m’għandha x’taqsam xejn mal-provi li l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil ressaq fil-Qorti fil-ġimgħat li għaddew – provi li tant huma b’saħħithom li l-Maġistrat Aaron Bugeja insista li tinfetaħ inkjesta kriminali – immexxija mill-Maġistrat Josette Demicoli – biex tinvestiga kriminalment lil Keith Schembri.
L-email tmur lura għat-22 ta’ Ottubru 2016 fit-15:01 u kienet miktuba fil-kuntest li l-ERA kienet għadha kemm ippubblikat 15,000 paġna ta’ dokumenti – li mlew numru kbir ta’ kaxxi – b’rabta mal-permess tat-tanker tal-gass f’Marsaxlokk, u li l-Gvern pretenda li jiġu studjati fi ftit ġranet.
Is-silta tal-email tmur lura aktar minn 9 xhur, u għalhekk, żgur li m’għandha x’taqsam xejn ma’ dak li provaw jimplikaw Cyrus Engerer u l-Partit Laburista. Ta’ min ifakkar li l-istess bniedem li qed jippublika din ‘l-iscoop’ instab ħati mill-Qorti li abbuża minn informazzjoni u ritratti fuq il-kompjuter tal-eks partner tiegħu.
F’kummenti ma’ netnews.com.mt, il-President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista Ann Fenech qalet li “il-gidba tal-Partit Laburista ta’ dalgħodu tikkonferma l-qiegħ li kapaċi jinżlu fih biex iħawdu l-imħuħ. Altru milli għaqda nazzjonali li qed jitkellem dwarha Joseph Muscat, dan hu att ta’ min hu giddieb u jrid jifred.”
Żgur li ma teżisti ebda email kif qed jimplikaw Cyrus Engerer u l-Partit Laburista dwar il-provi mressqin il-Qorti. Jeżistu biss il-provi u li wasslu biex iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru jiġi investigat kriminalment – provi li ġew ippubblikati u wieħed jista’ jaċċessahom hawnhekk: http://netnews.com.mt/gabra/rapporti-korruzzjoni/
//= $special ?>