Internazzjonali

Helmut Kohl, missier il-Ġermanja Magħquda, imut fl-età ta’ 87 sena

L-eks Kanċillier tal-Ġermanja, Helmut Kohl, li kien il-bniedem strumentali għall-unjoni, fl-1990, tal-Ġermanja tal-Punent mal-eks Ġermanja tal-Lvant komunista, miet fl-età ta’ 87 sena.

L-ewwel rapporti qalu li Kohl miet id-dar tiegħu f’Ludwigshafen, fl-Istat ta’ Rhineland-Palatinate.

Helmut Kohl mexxa lill-Ġermanja għal 16 il-sena – mill-1982 sal-1998 – u se jibqa’ imfakkar l-aktar talli kkonkluda r-reunifikazzjoni ta’ pajjiżu wara l-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin, lejn l-aħħar tal-1989.

Kohl, l-istess bħall-eks President ta’ Franza (u alleat kbir tiegħu) Francois Mitterrand , kien ukoll responsabbli għall-introduzzjoni tal-ewro, il-munita komuni tal-Unjoni Ewropea, u ladarba hu ipperswada lill-Ġermaniżi biex iċedu għad-deutschemark.

Helmut Kohl, li kien imexxi lid-Demokristjani taċ-ċentru-lemin, kien anki l-aktar Kanċillier tal-Ġermanja li dam iservi tul is-Seklu Għoxrin.

Il-politika li ħaddan Kohl issawwret mill-esperjenzi tiegħu tat-Tieni Gwerra Dinjija meta hu kien residenti f’Ludwigshafen, fl-Istat ta’ Rhineland.

Helmut Kohl kien sofra waqgħa kerha fl-2008, bir-riżultat li hu kien kostrett li jgħix il-kumplament ta’ ħajtu f’wheelchair.