Il-Fondazzjoni tal-Malta Community Chest Fund u t-Trust għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Iżvilupp tal-Università ta’ Malta iffirmaw ftehim li permezz tiegħu il-Fondazzjoni se tiffinanzja riċerka dwar il-prelevanza tal-mard tal-għajnejn f’Malta permezz ta’ għotja ta’ €132,000.
Il-ftehim kien iffirmat fi tmiem konferenza tal-aħbarijiet fil-Palazz taż’ San Anton li fiha ħadu sehem il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca, il-Professur Alfred Vella, ir-Rettur tal-Università ta’ Malta u l-Professur Francis Carbonaro.
Il-President qalet li l-iskop tal-Fondazzjoni tal-MCCF mhux biss li tirreaġixxi imma wkoll li tkun pro attiva biex tgħin ħalli nilqgħu għall-isfidi tal-mard. Għalhekk il-Fondazzjoni qed tinvesti fir-riċerka biex jinstabu s-soluzzjonijiet.
Fakkret li l-ex President ta’ Malta Ċensu Tabone kien strumentali biex tinstab soluzzjoni dwar il-glawkoma.
Hi qalet li dan hu t-tieni proġett ta’ riċerka li qed tiffinanzja l-Fondazzjoni wara li aktar kmieni iffinanzjat ir-riċerka dwar il-ġenetika tal-mard tal-għadam.
Ir-Rettur tal-Università irringrazzja lil Fondazzjoni għal din id-donazzjoni bioex tkun tista’ ssir din ir-riċerka tant importanti għal Malta u anke għax-xjenza medika in-ġenerali. Hu qal li mingħajr riżorsi finanzjarji ma tistax tagħmel riċerka u għalhekk appella biex l-istat ikompli jagħti fondi għal skop ta’ riċerka.
Il-Professur Francis Carbonaro qal li r-riċerka se ssir fuq medda ta’ tlett snin minn student li qed jagħmel PhD. Hu qal li mir-riċerka jrid ikun stabbilit kemm hawn prelevanza ta’ glawkoma u mar ieħor tal-għajnejn. Din l-informazzjoni hi importanti għas-saħħa pubblika f’Malta.
Hu qal li l-ħsieb hu li ssir riċerka fuq wieħed fil-mija tal-popolazzjoni ta’ dawk bejn l-40 u t-80 sena. It-tieni studju se jkun fuq il-ġenetika u studju ieħor se jkun fuq l-istudji fit-tul biex wieħed jara kif inbidlu x-xejriet.
//= $special ?>