Il-Mexxej tal-ISIS, Abu Bakr Al-Baghdadi, x’aktarx li nqatel waqt attakk mill-qawwiet tal-ajru tar-Russja. Il-Gvern Russu ħabbar dan, waqt li qal li Al-Baghdadi seta’ spiċċa ‘eliminat’ fl-offensiva speċifika li kienet saret fuq il-belt ta’ Raqqa, fis-Sirja, fit-28 ta’ Mejju li għadda.
Ingħad li l-attakk inkwistjoni ikkonċentra fuq bini fejn kienu qegħdin jiltaqgħu il-mexxejja ewlenin tal-ISIS.
Intant, l-aħħar rapporti qalu li l-Ministeru tad-Difiża Russu qed jinvestiga jekk Al-Baghdadi ‘tassew spiċċax eliminat’, fost indikazzjonijiet li l-attakk mill-ajru ta’ Mejju seta’ (anki) qatel ‘il fuq minn 330 ġellied tal-ISIS.
L-attakk ingħad li seħħ waqt li kienet għaddejja laqgħa għall-Kunsill Militari tal-ISIS iżda, għalissa, ma hemm l-ebda konferma dwar dan mingħand il-Gvern tas-Sirja. Fl-istess ħin, kelliema għall-koalizzjoni militari li qed tiġġieled kontra l-ISIS qalu li l-Istati Uniti ma tistax tikkonferma jekk Baghdadi tilifx ħajtu fl-attakk jew le.
Dan meta, fil-passat, kienu ħarġu diversi rapporti simili dwar ‘l-eliminazzjoni ta’ al-Baghdadi’ u li ma kienu qatt ikkonfermati mija-fil-mija.
L-aħħar movimenti tal-Kap terroristiku ma kenux magħrufa, meta, fil-fatt, l-aħħar indikazzjonijiet kienu jmorru lura għal Ottubru tal-2016 u fost rapporti li Al-Baghdadi ‘seta kien fl-inħawi ta’ Mosul, fl-Iraq’. Dan qabel il-koalizzjoni taħt tmexxija Amerikana bdiet l-offensiva kbira biex taħtaf lura l-kontroll ta’ dik il-belt ewlenija.
//= $special ?>