Il-Qorti tikkonferma li l-Partit Laburista ried jisraq żewġ siġġijiet fil-Parlament
Il-Qorti Kostitizzjonali ċaħdet it-talba tal-Partit Laburista dwar iż-żewġ siġġijiet Parlamentari li ingħataw lill-Partit Nazzjonalista mill-Kummissjoni Elettorali biex jirriflettu l-proporzjonalità fil-voti bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet.
Il-Qorti Kostituzzjonali iffurmat mill-Prim Imħallef Silvio Camilleri, l-Imħallef Giannino Caruana Demajo u l-Imħallef Noel Cuschieri tat raġun lill-Partit Nazzjonalista dwar il-kawża taż-żewġ siġġijiet fil-Parlament wara li l-Partit Laburista fetaħ kawża fil-Qorti. B’hekk il-Partit Laburista tilef din il-kawża.
Id-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali tikkonferma li l-Partit Laburista ma kellux raġun meta ried li jitneħħew żewġ siġġijiet tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlamen li ingħataw mill-Kummissjoni Elettorali biex jirrifletti d-differenza tal-voti.
Anzi, l-Qorti kkonfermat li l-proċess tal-Kummissjoni Elettorali kien wieħed ġust u korrett u deċiżjoni mod ieħor kienet tmur kontra r-rieda ta’ dawk il-votanti li taw il-preferenza lil Onorevoli Marlene Farrugia bħala kandidat fuq il-lista tal-PN, moħħhom mistrieħ li għax ivvotaw għal kandidat fuq il-lista tal-PN, il-vot tagħhom ma kiex sejjer jintilef għal għanijiet tal-att 52 tal-Kostituzzjoni.
Għalhekk, it-talba tal-Partit Laburista kienet waħda li tmur kontra l-liġi.
Fl-ewwel reazzjoni tiegħu kif ħareġ mill-Qorti il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil li kien preżenti fl-Awla, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għad-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali li ddeċidiet li t-talba tal-Partit Laburista li ried iċaħħad lill-Partit Nazzjonalista minn żewġ siġġijiet fil-Parlament m’għandhiex tintlaqa’. Hu qal li l-PN jilqa’ din id-deċiżjoni b’sodisfazzjon u fil-fehma tal-PN illum rebħet il-ġustizzja.
Fl-awla kien hemm ukoll id-Deputati tal-PN Carm Mifsud Bonnici u Fredrick Azzopardi li kienu ż-żewġ Deputati li l-Kummissjoni Elettorali żiedet lill-Partit Nazzjonal;ista biex jirriflettu d-differenza fil-voti bejn iż-żewġ partiti.
Għan-naħa tal-Partit Nazzjonalista dehru l-Avukati Paul Borg Olivier u Karol Aquilina, għal Partit Laburista deher l-Avukat Pawlu Lia filwaqt li l-Avukat Ian Rafalo deher għall-Kummissjoni Elettorali.
Fil-leġiżlatura li għaddiet, l-Partit Laburista għamel aktar minn nofs il-leġiżlatura jiggverna b’żewġ siġġijiet aktar minn dak stabbilit fil-liġi wara żball li sar mill-Kummissjoni Elettorali fit-trasferiment tal-voti. F’dak il-każ, il-Partit Nazzjonalista għamel tliet snin fil-Qorti biex id-deċiżjoni tal-poplu Malti u Għawdxi tkun rappreżentata. Issa, l-Partit Laburista ipprova jagħmel l-istess u mar il-Qorti biex, għal darb’oħra, id-deċiżjoni tal-poplu ma tkunx rappreżentata b’mod sħiħ fil-Parlament. Għal darb’oħra, l-Qorti sosniet li l-Partit Laburista m’għandux raġun.
Il-Partit Laburista kien ippreżenta protesta formali mal-Kummissjoni Elettorali dwar żewġ siġġijiet li l-Kummissjoni Elettorali tat lill-Partit Nazzjonalista, bi proporzjon għad-distakk bejn iż-żewġ partiti politiċi fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Elettorali fissret li Carm Mifsud Bonnici u Frederick Azzopardi kienu eletti bħala Deputati tal-Oppożizzjoni.
Madankollu, permezz tad-delegat tiegħu fil-Kummissjoni Elettorali Louis Gatt, il-Partit Laburista oġġezzjona għal din iż-żieda fis-siġġijiet minħabba li sostna li l-preżenza ta’ Marlene Farrugia se tkun qed tirrappreżenta t-tielet partit u għalhekk twaqqa’ r-regola fl-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali użata mill-Kummissjoni.
Ir-riżultat tal-elezzjoni jagħti maġġoranza ta’ 7 siġġijiet lill-Gvern. Il-liġi elettorali hi ċara: jingħaddu flimkien il-voti kollha tal-kandidati kollha li ħarġu taħt l-istess lista. F’din l-elezzjoni, l-Partit Nazzjonalista ġab 135,696 vot li kull wieħed minnu għandu jiġi rrapreżentat fil-Parlament. Imma l-Partit Laburista spiċċa jipprova jattakka r-riżultat iffirmat anke mill-Kummissjonarji Elettorali tiegħu stess.
Il-PN qal li r-riżultat tal-elezzjoni għandu jagħti żewġ siġġijiet bl-emenda Kostituzzjonali lill-Oppożizzjoni biex id-distakk fis-siġġijiet ikun jirrifletti d-distakk fil-voti, jiġifieri 7 siġġijiet kif fil-fatt ġara.