Lokali

Olandiż f’qagħda kritika wara li waqa’ sular fil-bajja ta’ Spinola

Il-każ seħħ dalgħodu f'Paceville għall-ħabta tas-6am

Żagħżugħ Olandiż ta’ 25 sena spiċċa l-Isptar wara li waqa’ għoli ta’ madwar sular.

Il-każ seħħ dalgħodu għall-ħabta tas-6am fil-bajja ta’ Spinola. Iż-żagħżugħ waqa’ mill-bankina għaż-żona fejn ikun hemm id-dgħajes.

Il-Pulizija mill-Għassa ta’ San Ġiljan marru minnufih fil-post u minn investigazzjonijiet preliminari rriżulta li għal xi raġuni, ir-raġel kien waqa’ minn għoli ta’ madwar sular.

Fil-post issejħet ambulanza li ħadet lill-Olandiż l-Isptar Mater Dei għall-kura. Iktar tard huwa ġie ċċertifikat li jinsab f’qagħda kritika.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Gabriella Vella li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.