Futbol Sport

Iċ-Ċina trid torganizza t-Tazza tad-Dinja

Il-President tal-FIFA Infantino (xellug) u l-President Ċiniż Xi Jinping waqt laqgħa

Il-President taċ-Ċina Xi Jinping qed jagħmel minn kollox biex pajjiżu jikseb id-dritt li jorganizza t-Tazza tad-Dinja fis-snin li ġejjin. Riċentament hu kompla jaħdem fuq dan l-objettiv tiegħu meta kellu laqgħa mal-President tal-FIFA Gianni Infantino.

Xi, li hu partitarju kbir tal-futbol irid li fis-snin li ġejjin isir progress kbir biex xi darba ċ-Ċina mhux biss tikkwalifika u torganizza t-Tazza tad-Dinja imma anke tirbaħha.

F’dawn l-aħħar snin iċ-Ċina għamlet investiment kbir fil-futbol u numru ta’ plejers ta’ fama mondjali marru jilagħbu fil-kampjonat domestiku. Xi qed jittama li, anke jekk xi ħaġa diffiċli, l-Gvern jgħin liċ-Ċina titfa’ l-kandidatura tagħha biex torganizza t-Tazza tad-Dinja tal-2030 jew inkella tal-2034.
L-edizzjoni ta’ sena oħra se ssir fir-Russja filwaqt li fl-2022 se ssir fil-Qatar. Il-FIFA għad trid tiddeċiedi min se jorganizza l-edizzjoni tal-2026.

L-uniku darba li ċ-Ċina ikkwalifikat għat-Tazza tad-Dinja kien fl-2002 meta dakinhar l-edizzjoni kienet saret fil-Korea t’Isfel u l-Ġappun. It-tim kien iddiżappunta bil-kbir meta tilef it-tliet partiti tal-fażi tal-grupp u lanqas biss skurja gowl.
Kollox qed jindika li għal darba oħra ċ-Ċina mhux se tikkwalifika għat-Tazza tad-Dinja li se ssir sena oħra fir-Russja wara li nhar il-Ħamis li għadda dawn ġew miżmuma 2-2 kontra s-Sirja.

Il-Korea jkeċċu lill-kowċ
Il-Korea t’Isfel ħabbru li keċċew lill-kowċ Uli Stielike wara t-telfa xejn mistennija ta’ 3-2 kontra l-Qatar. Stielike kien ilu jmexxi lill-Koreani sa minn Settembru tal-2014 meta dakinhar kien ħa post Hong Myung-bo. Madankollu r-riżultati li kiseb ma tantx kienu daqstant pożittivi u s-seba’ telfa li sofra ma’ dan it-tim swietu qares.

Uli Stielike, li hu Ġermaniż għen lill-Korea t’Isfel jaslu sal-finali tat-Tazza tal-Asja sentejn ilu meta dakinhar kienu tilfuha 2-1 kontra l-Awstralja.