Internazzjonali

Invalidat il-proċess kontra Bill Cosby, iżda….

Imħallef fl-Istati Uniti iddikjara proċess tal-qorti kontra l-attur komiku Bill Cosby bħala invalidu, meta Cosby kien qed iwieġeb għal akkużi ta’ aggrediment sesswali fil-konfront ta’ mara.

Il-ġurati magħmulin minn seba’ irġiel u ħames nisa ma setgħux jilħqu deċiżjoni unanima wara li huma damu jiddeliberaw għal aktar minn 50 siegħa.

Bill Cosby, li għandu 79 sena, hu akkużat li attakka lil Andrea Constand bl-iskop li jistupraha f’każ li jmur lura għall-2004. L-avukati tal-attur qegħdin jinsistu, sadanittant, li Cosby kellu r-relazzjonijiet sesswali mal-mara ‘bil-kunsens tagħha’.

Madankollu, Bill Cosby jista’ ‘il quddiem jiffaċċja xorta l-proċeduri ġodda.

U filwaqt li hu, issa, qed igawdi l-libertà, il-prosekuzzjoni diġà għamlitha ċara li qiegħda twitti  t-triq biex Cosby jitressaq il-qorti fejn ikollu jgħaddi minn proċess ieħor.

Filwaqt li għexieren ta’ nisa rrappurtaw li huma sfaw attakkati minn Cosby għal skop sesswali, l-istatut tal-limitazzjoni ifisser li l-attur seta’ jgħaddi ġuri biss rigward l-allegazzjonijiet miġjuba kontra tiegħu mill-avukati ta’ Andrea Constand