Lokali Qorti

Jintbagħat il-ħabs l-għada li ngħata sentenza sospiża

Portugiż ta’ 49 sena baqa’ miżmum taħt arrest preventiv wara li dalgħodu tressaq il-Qorti b’urġenza akkużat li kiser kundizzjonijiet tal-Qorti fosthom ordni ta’ protezzjoni favur mara u membri tal-familja tagħha.

Ir-raġel, Paulo Miguel Da Costa Ostorio kien diġa’ tressaq il-Qorti f’Mejju li għadda fuq akkużi ta’ theddid fil-konfront ta’ Rita Gerada u anki għax wettaq ħsara fuq il-bieb ta’ barra tagħha. Huwa kien ingħata l-ħelsien mill-arrest iżda dakinhar tal-elezzjoni, huwa reġa’ sab lil Rita Gerada, ħebb għaliha u kkaġunalha feriti f’wiċċha.

Il-Ġimgħa l-Maġistrat Joe Mifsud sema’ dan il-każ u r-raġel ingħata sentenza sospiża u l-Maġistrat ħareġ ordni ta’ protezzjoni favur Rita Gerada u l-membri tal-familja tagħha. Ir-raġel kien ordnat ukoll biex ma jersaqx fejn toqgħod il-mara.

Iżda lbieraħ stess ir-raġel mar ħdejn il-bieb tal-istess mara. Ir-raġel kien arrestat mill-Pulizija u tressaq il-Qorti mill-ġdid quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea. Din id-darba kien ordnat li r-raġel jinżamm arrestat.