Futbol Sport

Tazza tal-Konfederazzjonijiet – Il-Ħadd jidħlu fl-azzjoni ċ-champions tal-Ewropa

Il-Portugiż Ronaldo waqt it-taħriġ jum qabel il-logħba kontra l-Messiku

Għada l-Ħadd jintlagħbu żewġ partiti oħra mit-Tazza tal-Konfederazzjonijiet, waħda minn kull grupp. Minn Grupp A l-Portugall, champions tal-Ewropa jilagħbu kontra l-Messiku li minn naħa tagħhom se jkunu qed jikkompetu fiha għas-seba’ darba f’din il-komeptizzjoni wara li fl-2015 rebħu l-ewwel edizzjoni tal-CONCACAF Cup.

Bla dubju l-attenzjoni kollha se tkun fuq il-captain tal-Portugall Cristiano Ronaldo għal diversi raġunijiet. Hu se jkun ġej minn staġun mill-aqwa fejn għen lit-tim tiegħu Real Madrid jirbaħ il-kampjonat u ċ-Champions League u anke minħabba l-fatt li proprju jumejn qabel il-bidu ta’ dan it-turnament rapporti fil-midja Spanjola qed jgħidu li hu jinsab diġà deċiż li mhux se jibqa’ mal-Merengues.

Fl-aħħar konfront ta’ bejn dawn iż-żewġ timijiet, fl-2014, il-Portugall għelbu lill-Messiku 1-0 f’partita ta’ ħbiberija. L-aħħar logħba kompetittiva bejn dawn it-tnejn kienet fil-fażi tal-gruppi tat-Tazza tad-Dinja tal-2006 meta dakinhar il-Portugall rebħu 2-1.

Debutt għaċ-Ċili
Il-Ħadd ukoll jagħmlu d-debutt tagħhom iċ-Ċili (li jilagħbu kontra l-Kamerun) li kisbu d-dritt li jieħdu sehem fit-Tazza tal-Konfederazzjonijiet wara li fl-2015 rebħu l-Copa America. Ironikament, sena wara reġgħu rebħu l-istess kompetizzjoni u issa jittamaw li għat-tielet sena konsekuttiva jgawdu suċċess f’turnament internazzjonali.

Ta’ min jinnota li filwaqt li fl-2015 kienu taħt it-tmexxija ta’ Jorge Sampaoli, llum –il ġurnata ċ-Ċili qegħdin taħt it-tmexxija ta’ Juan Antonio Pizzi li kien mexxa lit-tim għas-suċċess tas-sajf li għadda.
Il-Kamerun kienu l-aħħar tim li kkwalifikaw għal din il-kompetizzjoni meta fi Frar li għadda ġew inkrunati champions tal-Afrika.

Il-Ħadd iċ-Ċili se jkollhom jgħaddu mingħajr il-gowlkiper Claudio Bravo li għadu ma rkuprax minn injury fil-pexxul imma xorta waħda jibdew favoriti li jieħdu t-tliet punti kontra tim li lagħbu biss darba kontrih fil-passat. Dan kien fit-Tazza tad-Dinja tal-1998 meta dakinhar kienu ġew draw 1-1.