Futbol Sport

Tazza tal-Konfederazzjonijiet – Ir-Russi jibdew b’rebħa

Denis Glushakov jiftaħ l-iskor favur ir-Russi

RUSSJA……………………..2
NEW ZEALAND………………………..0

Fl-ewwel partita tat-Tazza tal-Konfederazzjonijiet, ir-Russja, il-pajjiż li qed jorganizza dan it-turnament li jsir sena qabel it-Tazza tad-Dinja, għelbu lil New Zealand bi skor ta’ 2-0.

Ir-rebħa tar-Russi, anke jekk dawn ma mpressjonawx, xorta waħda kienet meritata. Ir-Russi kisbu d-dritt li jilagħbu f’din il-kompetizzjoni minħabba li huma l-organizzaturi filwaqt li New Zealand kisbu d-dritt li jilagħbu fit-Tazza tal-Konfederazzjonijiet wara li sena ilu rebħu l-OFC Nations Cup, it-tazza għat-timijiet tal-Oceania.

Ir-Russi fetħu l-iskor man-nofs siegħa logħob meta żball fid-difiża ta’ New Zealand ippermetta lil GLUSHAKOV li jibdel il-logħob ma’ sieħbu Poloz u la darba reġa’ rċieva l-ballun qabbżu minn fuq il-gowlkiper Marinovic għal 1-0.

Ir-Russi ssiġillaw ir-rebħa b’gowl mas-70 minuta meta kien SMOLOV li skurja gowl simili għall-ewwel wieħed hekk kif bidel ballun ma’ Samedov li reġa’ qassamlu u l-attakkant ma żbaljax minn quddiem il-lasta.

Ir-Russi qed jittamaw li f’dan it-turnament juru titjib qabel ma sena oħra jorganizzaw it-Tazza tad-Dinja. Fl-2008 huma kienu marru tajjeb u waslu sas-semifinali tal-Euro 2008 imma minn dakinhar ‘l hawn iddiżappuntaw bil-kbir u naqqsu milli jikkwalifikaw għat-Tazza tad-Dinja u sfaw eliminati mit-Tazza tad-Dinja kmieni fl-2014, anke jekk kienu taħt it-tmexxija tal-kowċ Fabio Capello.

Issa huma qegħdin f’idejn il-kowċ Stanislav Cherchesov li jittama li t-tim tiegħu jkompli minn fejn ħalla kontra New Zealand meta nhar l-Erbgħa li ġej jilagħbu kontra l-Portugall.