Lokali Qorti

Għalliem ħarab mill-gwerra fis-Sirja u kien arrestat hekk kif wasal f’Malta

Għalliem Sirjan illum tressaq il-qorti u ammetta li ġie Malta illegalment biex jingħaqad ma’ ħutu.

Ilbieraħ filgħaxija, is-Sirjan, Ahmad Alalo ta’ 30 sena wasal Malta minn Ateni u kien arrestat mmedjatament hekk kif kellu passaport ta’ persuna oħra.

Quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia, is-Sirjan, li xehed li kien jaħdem bħala għalliem, qal li kien iddisprat biex jaħrab mill-gwerra fis-Sirja u għaldaqstant ħarab bit-tama li jiġi Malta jaħdem u jingħaqad ma’ ħutu.

Waqt li l-prosekuzzjoni qalet li l-akkużat ikkollabora mal-Pulizija, l-Avukat argument li s-Sirjan għandu jingħata l-istess trattament bħal immigranti li daħlu Malta minn fuq il-baħar u għalhekk m’għandux jintbagħat il-ħabs. L-avukat żied jgħid li s-Sirjan diġa’ għandu xogħol jistennih.

Waqt li kkunsidra l-għażliet kollha, il-Maġistrat qal li d-deportazzjoni f’dan il-każ ma titqiesx bħala s-soluzzjoni minħabba l-gwerra li għaddejja fis-Sirja. Għaldaqstant il-Maġistrat kkundanna lir-raġel għal sitt xhur ħabs sospiżi għal 18-il xahar u multa ta’ €750.