Internazzjonali

Għexieren ta’ mejtin fl-agħar traġedja ta’ nirien fil-Portugall

Il-Portugall, fil-preżent, għaddej mill-akbar traġedja għal għexieren ta’ snin fejn talanqas 60 tilfu ħajjithom f’nirien inkontrollabbli li qabdu qalb foresta u li nfirxu b’veloċità madwar diversi bnadi.

Ħafna mill-vittmi mietu waqt li kienu qed jaħarbu bil-karozzi tagħhom miz-zona ta’ Pedrogao Grande, fost l-avvanzi tan-nirien, Iz-zona inkwistjoni tinsab lejn il-lbiċ ta’ Coimbra, b’rapporti mill-inħawi jirreferu wkoll għal għexieren ta’  midruba, li jinkludu fosthom membri tal-iskwadri għall-emerġenzi.

Il-Prim Ministru tal-Portugall, Antonio Costa, tkellem dwar it-traġedja li fissirha bħala ‘l-agħar għal snin’ u qed jistenna li ċ-ċifra tal-mejtin tiżdied fis-sigħat li jmiss.

Is-Segretarju tal-Istat Portugiż għall-Intern, Jorge Gomez, qal li madwar 30 fost in-nies li mietu fin-nirien instabu maħruqin fil-vetturi tagħhom, b’aktar katavri jinstabu mifruxin madwar medda ta’ territorju.

L-aħħar rapporti mill-Portugall qalu li n-nirien ‘għadhom ‘il bogħod milli jkunu kontrollati’ minkejja l-isforzi ta’ mijiet ta’ firefighters li qegħdin jistinkaw kontinwament biex inaqqsu l-periklu għall-ħajja.